Arrestat raġel li wettaq diversi serqiet minn stabbilimenti u lukandi

Jidher li r-raġel minn diversi stabbilimenti u lukandi fil-Ħamrun, Tas-Sliema u l-Gżira

Fl-aħħar sigħat il-Pulizija arrestat raġel li allegatament wettaq sensiela ta' serqiet minn stabbilimenti u lukandi fl-inħawi tal-Gżira, tas-Sliema u l-Ħamrun.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li waslet għall-arrest tar-raġel ta' 47 sena wara ġimgħat ta' ħidma u osservazzjoni mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali u anke mill-Pulizija mid-Distrett ta' Tas-Sliema.

Ir-raġel tressaq il-Qorti akkużat fost oħrajn li seraq tagħmir elettroniku u anke flus minn kmamar f'lukandi fil-Gżira, li pprova jisraq ħanut tal-logħob u li seraq ukoll żewġ wallets.

Jidher li s-serq, seħħ bejn Lulju 2016 u Diċembru tal-2018.

Fil-Qorti ħareġ li r-raġel deher f'diversi filmati ta' CCTV u diversi ritratti tiegħu spiċċaw iduru fuq il-midja soċjali.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest anke għar-raġel għandu bżonn trattament mediku li jkun diffiċli li jieħu jekk ikun il-ħabs u anke li l-akkużat ma għandux biżżejjed flus biex iħallas id-depositu għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti rrifjutat li r-raġel jingħata l-ħelsien.

More in Kronaka