Aktar minn kwart tal-adulti Maltin obeżi

40% tat-tfal Maltin obeżi jew b’piż żejjed, it-tfajliet Maltin l-aktar obeżi madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u issa uffiċjalment aktar minn kwart tal-adulti Maltin obeżi

Rapport ġdid li rriċerka l-istat ta’ saħħa madwar l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, qiegħed jinnota kif f’Malta, ir-rata ta’ obeżità madwar l-adulti hi ta’ 26%. B’hekk aktar minn kwart tal-adulti Maltin attwalment huma obeżi.

Skont ir-rapport, ‘Health at a Glance: Europe 2018’, ir-rata medja tal-obeżità madwar il-pajjiżi tal-UE hi ta’ 16%. B’hekk ir-rata rreġistrata f’Malta hi 10% aktar mill-medja Ewropea.

Għaldaqstant ir-riċerkaturi f’dan l-istudju nnutaw kif fit-18-il sena li għaddew, ir-rata ta’ obeżità żdiedet kważi f’kull pajjiż madwar l-Ewropa b’mod partikolari fil-Finlandja, Franza, l-Irlanda, l-Olanda u l-Isvezja, pajjiżi li storikament dejjem kellhom rati baxxi ta’ obeżità.

Min-naħa l-oħra, f’pajjiżi bħall-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja u l-Polonja r-rati baqgħu kważi l-istess.

Apparti minn dan ir-rapport allarmanti, rapport ieħor lokali li ġie ppubblikat din is-sena, sab li 40% tat-tfal bejn l-età ta’ 3 snin u 16-il sena għandhom piż żejjed. L-ogħla rata kienet irrapportat fi tfal bejn l-etajiet ta’ ħames u tmien snin.

Iżda dan mhux biss hekk, kif rapport ieħor imħejji mill-Imperail College of London mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u li kien ippubblikat din is-sena fil-ġurnal mediku The Lancet sab in-nisa Maltin huma l-aktar obeżi fl-Ewropa. L-istudju sab b’kollox, 11.3% tat-tfajliet Maltin huma obeżi.

Intant, ir-rapport stess isemmi kif il-problema tal-obeżità hi marbuta ma’ spejjeż sinifikanti fil-kura tas-saħħa. Apparti minn hekk skont dan ir-rapport, l-obeżità tinfluwenza b’mod detrimentali wkoll l-ekonomija tal-pajjiż, dan minħabba tnaqqis fl-impjiegi u t-telf fil-produttività tax-xogħol.

Dan l-istess punt kien ġie rifless fi studju separat mid-ditta tal-awdituri  Pricewaterhouse Coopers, ippubblikat f’Ġunju 2016. Dak iż-żmien, l-awdituri kienu qalu li l-problema tal-obeżità qed tiswa lil Malta mas-€36 miljun fis-sena.

Skont diversi esperti mediċi, l-obeżità twassal għal diversi problemi tas-saħħa fosthom: pressjoni għolja, kolesterol għoli, dijabete, mard kardjovaskolari u anke xi forom ta’ kanċer filwaqt ukoll, li żżid ir-riskju għal mard kroniku.

More in Kronaka