Kumpanija finanzjarja se tfittex lis-SataBank, l-MFSA u EY minħabba li 'ffriżawlha l-kont'

Ix-xahar li għadda l-MFSA ħatret lill-kumpanija EY bħala amministraturi tal-bank

Illum il-kumpanija finanzjarja 'Junafil Finance LTD' fetħet każ fil-qorti fil-konfront tal-bank ‘Satabank’, l-MFSA u d-ditta tal-awdituri Ernest and Young (EY). Rappreżentat għall-kumpanija Junafil Finance LTD, Adrian Chetcuti De Carlo, qed jitlob ir-ritorn ta’ madwar € 62,864 li bħalissa jinsabu ffriżati fil-bank. 

Il-kumpanija qalet li, “id-deċiżjoni tagħha li tagħmel użu mis-servizz ta’ Satabank kienet ibbażata fuq il-fat li l-bank kien illiċenzjat mill-MFSA u għalhekk setgħet tafda l-flus tagħha f’bank li huwa konformi mal-rekwiżiti legali u finanzjarji.”

Skont il-kumpanija, “id-direttiva li tiffriża l-assi tal-bank, li ġiet imposta mill-MFSA kellha effett ta’ danni fuq il-kumpanija," u kif "din faċilment setgħet ġiet evitata kieku l-kumpanija ġiet innotifikata minn qabel biex tagħmel arranġamenti finanzjarji oħra.”

Ix-xahar li għadda l-MFSA waqqfet ix-xogħol bankarju tas-Satabank u ħatret lill-kumpanija EY biex tamministra l-operat tal-bank. Fl-istess żmien il-kumpanija kienet tallbet lil bank joħroġ id-depożiti kollha tagħhom però l-bank qal li ma jistax jagħmel dan minħabba direttiva tal-MFSA.

Skont id-direttiva tal-MFSA, il-klijenti ta' Satabank diġà bdew jingħataw lura l-flus, bl-ewwel klijenti li irċevew il-ħlas huma dawk li għandhom bilanċ ta' bejn €50 u €15,000.

More in Kronaka