Posposta d-deċiżjoni tal-PA dwar l-iżvilupp f'Manoel Island

Illum il-bord tal-PA kien mistenni japprova pjanijiet għal kumpless residenzjali u kummerċjali fuq Manoel Island

Illum il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ippospona d-deċiżjoni dwar l-iżvilupp propost f'Manoel Island.

Din id-deċiżjoni ġiet posposta primarjament minħabba nuqqas ta’ informazzjoni dwar it-8,000 metru kwadru ta’ spazju għal bini li l-iżviluppaturi qed jgħidu li nqatgħu mill-pjanijiet tagħhom u li jistgħu jiġu trasferiti lilhom għall-żvilupp f’Tigne Point. 

Ir-rappreżentant tal-Gvern Clayton Bartolo qal li minħabba li dan it-trasferiment se jkollu impatt fuq Tigné, kienet meħtieġ kjarifika ċara qabel il-bord tal-Awtorità jieħu deċiżjoni.

Apparti minn dan il-punt kruċjali, matul is-seduta l-bord talab lill-iżviluppaturi MIDI biex jirritornaw quddiemhom b’aktar informazzjoni dettaljata dwar l-għoli tal-bini u d-differenza bejn il-pjanijiet attwali u l-permess oriġinali, li kien approvat lura għall-1999.

Illum il-PA, kien mistenni li japprova pjanijiet għal kumpless residenzjali u kummerċjali fuq Manoel Island, inkluż lukanda u casino fil-bini storiku tal-Lazaretto. 

Il-pont li wieħed jaqsam minn fuqu mill-Gżira għal fuq Manoel Island se jinbidel kompletament, bil-villaġġ tal-papri se jitneħħa għal kollox. Dan apparti bini ġdid propost għall-Villaġġ Marittimu. 

Meta kkumparat mal-masterplan li kienet approvata fl-1999, l-iżvilupp propost issa se jkun qed iżid l-ammont ta’ residenzi iżda se jkun qed isir fuq 8,000 metru kwadru inqas minn dak propost oriġinarjament.

More in Kronaka