BirdLife b'filmat li juri 'farka mill-insib illegali li jseħħ kuljum'

F'għaxart ijiem, BirdLife Malta rrappurtat 41 każ ta’ ksur tal-liġi f’madwar 31 mansab differenti

Birdlife Malta ppubblikat filmati li nġabru mill-istaff tagħha tul l-istaġun tal-instb li fetaħ fl-20 ta’ Ottubru sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Fi stqarrija, BirdLife Malta saħqet li f’għaxart ijiem f’Novembru, klienu osservati illegalitajiet marbutin mal-insib kuljum, b’total ta’ 41 każ ta’ ksur tal-liġi f’madwar 31 mansab differenti.

Dawn kienu jinkludu l-użu ta’ apparat tal-għajjat elettroniku, is-sejba ta’ xbieki u/jew lasti mitluqin waħidhom, l-użu ta’ xbieki b’malji ta’ daqs iżgħar minn dak awtorizzat, u anke inċidenti ta’ nsib illegali għall-Venewwa (Lapwing) u għall-għasafar tal-għana.

Id-deroga attwali tal-insib tippermetti l-insib għall-Malvizz (Song Thrush) u l-Pluviera (Golden Plover), waqt li l-insib għall-għasafar tal-għana kien iddikjarat bħala illegali aktar kmieni din is-sena wara s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ).

F’ġurnata waħda, 40 għasfur tal-għana nstabu fi tlett imnasab f’Għawdex; bl-għasafar jiġu kkonfiskati mill-pulizija biex jiġu mgħoddija lid-WBRU, waqt li oħrajn ġew meħlusa dak il-ħin stess fuq il-post.

17-il każ minn dawn ġew mgħoddija f’idejn il-pulizija biex jiġu investigati f’aktar dettall, bit-tama li jispiċċaw quddiem il-qorti.

“Dawn il-filmati jirrappreżentaw biss farka mill-ammont ta’ nsib illegali li fir-realtà għaddej bħalissa ta’ kuljum f’Malta u Għawdex matul l-istaġun tal-insib, u huma xhieda ta’ kemm hu diffiċli li jsir infurzar effettiv,” saħqet BirdLife.

Spjegat kif ħafna minn dawn l-imnasab jinsabu f’żoni fejn huwa diffiċli li jiġu nnutati jew jintlaħqu u dan iqanqal dubji serji dwar kif il-pulizija u l-Wild Birds Regulation Unit qed jirnexxilhom jissorveljaw is-siti f’dawn l-inħawi.

“Fid-dawl tan-nuqqas ta’ infurzar adegwat u suffiċjenti, li qed iwassal biex in-nassaba jiksru l-liġijiet stipulati mid-deroga tal-insib, dan kollu juri kemm fil-verità l-istaġun tal-insib ma messu qatt infetaħ,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Kronaka