Wara jumejn ħidma, jinħaraq il-gass li ħareġ minn bowser fil-Mellieħa

B'kollox intużaw 150,000 litru ilma u tliet familji kellhom jiġu evakwati

Wara aktar minn jumejn ħidma, il-Protezzjoni Ċivili rnexxielhom jaħarqu gass li ħareġ minn bowser tal-LPG Liquigas fil-Mellieħa t-Tnejn filgħodu.

F’dawn il-jiem, tliet familji kellhom jiġu evakwati mir-residenzi tagħhom.

F’din l-operazzjoni intużaw diversi vetturi tat-tifi tan-nar kif ukoll numru ta’ bowsers privati, bl-ammont ta’ ilma użat laħħaq mal-150,000 litru.

Uffiċjali għolja tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll diversi pumpiera ħadmu bla waqfien matul dawn il-jumejn sabiex l-operazzjoni tkun taħt kontroll massimu.

Il-bowser ġie skortat minn fire engine u minn żewġ pulizija tat-traffiku mill-Mellieħa lejn l-impjant tal-Liquidgas sabiex issa ssir it-tiswija neċessarja.

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili irringrazzja lil kull min b’xi mod ta s-sehem tiegħu sabiex din l-operazzjoni setgħet tintemm b’wiċċ il-ġid, fosthom lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, lill-uffiċjali tal-korp tal-Pulizija, kif ukoll lit-team mediku tal-ambulanza tal-Isptar Mater Dei tas-servizz provdut.

More in Kronaka