Kommossjoni fil-Qorti wara li akkużat ipprova jaħrab mill-awla

Il-każ seħħ dalgħodu meta r-raġel tressaq akkużat li seraq u weġġa' mara

Kommossjoni fil-Qorti wara li raġel li qed ikun akkużat li seraq basket ta’ mara u li kkawżalha ġrieħi ħfief, ipprova jaħrab.

Ir-raġel ipprova jaħrab wara li wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Meta l-Maġistrat waqfet is-seduta għal ħames minuti biex tagħti ċans lir-raġel jirrikonsidra l-pożizzjoni tiegħu, ir-raġel ipprova jaħrab mill-Qorti iżda nqabad minnufih mill-Pulizija.

Il-każ seħħ fi Triq il-Kunvent f’Ħaż-Żabbar nhar l-14 ta’ Diċembru filgħaxija.

Jidher li r-raġel qabad lill-vittma minn għonqha u weġġgħet meta ppruvat tirreżisti lir-raġel. Huwa ħatfilha l-basket u ħarab jiġri.

Meta l-każ kompla, l-Avukat tad-Diviża infurmat lill-Qorti li l-akkużat irrifjuta l-għajnuna tagħha u ma kkonsultax magħha qabel ammetta l-akkużi.

Huwa tpoġġa taħt probation għal 3 snin.

“Jaqbillek ma twettaq l-ebda reat ieħor f’dawn it-tliet snin għax teħel ukoll għar-reati tal-lum,” qaltlu l-Maġistrat.

More in Kronaka