Jinżamm arrestat wara li gidem żewġ uffiċjal tal-Pulizija

Ir-raġel instab mixħut mal-art fis-sakra meta l-Pulizija marru biex jgħinuh

Raġel Libjan inżamm arrestat wara li attakka u gidem żewġ uffiċjali tal-Pulizija li ppruvaw jgħinuh.

L-Ispettur Robert Vella spjega lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kif il-Pulizija sabu lir-raġel fis-sakra mixħut mal-art. Sakemm kienu qed iċemplu għall-assistenza huma qam u beda jattakka lill-Pulizija li bdew jippruvaw jgħinuh, tant li gidimhom.

Iż-żewġ Pulizija weġġgħu ħafif u qed jistennew riżultati mediċi biex ikun stabbilit jekk ġewx infettati minn xi marda li tkun trasmessa bil-bżieq.

L-akkużat spjega kif hu barbier li ma għandux xogħol u wieġeb mhux ħati.

Anke għax għandu indirizz fiss u l-uniku xhieda kienu l-Pulizija, id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur Vella oġġezzjona għax l-akkużat kien instab ħati b’reati simili fil-passat.

Il-Qorti saħqet li minħabba n-nuqqas ta’ rispett li l-akkużat għandu lejn l-awtoritajiet, il-fatt li ma għandu l-ebda rabta f’Malta u anke għax ma tafdahx, ordnat li jinżamm arrestat.

More in Kronaka