Il-Protezzjoni Ċivili ilha 24 siegħa tipprova taħraq gass li ħareġ minn bowser fil-Mellieħa

Tlett idjar privati fl-inħawi ta' Santa Maria Estate kellhom jiġu evakwati

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ilhom aktar minn 24 siegħa għaddejin b’operazzjoni delikata biex jinħaraq gass li beda ħiereġ minn bowser ta’ LPG Liquidgas fil-Mellieħa.

Il-każ beda lbieraħ filgħodu bi tlett idjar privati kellhom jiġu evakwati minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

Fil-bidu tal-operazzjoni, il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili użaw teknikalitajiet differenti sabiex jitrasferixxu l-gass minn bowser għall-ieħor, liema operazzjonijiet ma rnexxewx.

Uffiċjali għolja u 20 pumpier fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili qed jieħdu sehem f’din l-operazzjoni li għadha għaddejja u mistennija li tieħu aktar sigħat biex titlesta.

Sa issa ntużaw ħames vetturi tat-tifi tan-nar u mad-90,000 litru tal-ilma.

Uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija, ħaddiema ta’ Liquidgas, Gasco, u kuntratturi tal-ilma privati qed jassistu f’din l-operazzjoni. 

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jappella lill-pubbliku biex jevita ż-żona ta’ Santa Maria Estate, partikolarment Triq Għajn Żejtuna u Triq il-Qasab.

More in Kronaka