Is-suspettat wara l-attakk fi Strasburgu jista' jkun li diġà ħarab minn Franza

Madwar 350 uffiċjal jinsabu għaddejin bit-tfittxija għaż-żagħżugħ ta' 29 sena li lbieraħ spara u qatel tliet persuni fi Strasburgu

Il-Gvern Franċiż għolla l-livell tal-allert għal dak massimu hekk kif il-Pulizija għadha għaddejja bit-tfittxija għaż-żagħżugħ li lbieraħ filgħaxija qabad jispara f’suq tal-Milied fiċ-ċentru ta’ Strasburgu.

Madwar 350 uffiċjal qed ifittxu lis-suspettat, bid-Deputat Ministru għall-Intern jisħaq li jista’ jagħti l-każ li ż-żagħżugħ laħaq ħarab minn Franza.

Tliet persuni tilfu ħajjithom waqt dan l-attakk. 13 oħra weġġgħu, bi tmienja minnhom jinsabu fil-periklu tal-mewt.

Jidher li s-suspettat għandu 29 sena u huwa magħruf mal-awtoritajiet fejn saħansitra kien ħarab mill-ħabs.

L-attakk seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-8:00pm f’wieħed mis-swieq tal-Milied li jattira eluf ta’ persuni kull sena.

Il-motiv wara dan l-attakk għadu mhux magħruf.

Fil-passat, Strasburgu kienet fil-mira ta’ attakki terroristiċi.

Fis-sena 2000, l-istess suq tal-Milied kien fiċ-ċentru ta’ attakk tal-al-Qaeda li kien falla.

Għaxar militanti Iżlamiċi kienu nstabu ħatja li kienu qed jippjanaw attakk lejlet l-ewwel tas-sena.

More in Kronaka