Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

'Kull wieħed u waħda minnha xi darba għadda minn problema ta' saħħa mentali'

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne jisħaq li hi diffiċli biex jingħalaq darba għal dejjem l-Isptar Monte Karmeli hekk kif iniedi konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija tas-Saħħa Mentali

Liam Carter / 5 ta' Diċembru 2018 10:52
Il-Ministru Chris Fearne
"Irridu jew ma rridux, f'xi punt f'ħajjitna kull wieħed jew waħda minnha għadda minn problema ta' saħħa mentali. Għal ħafna, din tkun waħda temporanja filwaqt li għal ħafna oħrajn tkun kronika."

Hekk beda d-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-saħħa Chris Fearne, waqt it-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija tas-Saħħa Mentali, 2020-2030.

Il-Ministru kompla d-diskors tiegħu billi żvela statistika alarmanti dwar it-tendenzi ta' problemi ta' saħħa mentali f'pajjiżna. "Huwa stmat li f'Malta wieħed minn kull tlieta jbatu minn kundizzjonijiet ta' saħħa mentali."

Fearne żied jgħid li, "kull amministrazzjoni preċedenti għamlet tentattivi bil-għan li tiġi megħluba l-problema tas-saħħa mentali f'pajjiżna."  Però skontu, ħafna mid-drabi dawn kienu tentattivi sporadiċi.

"Qatt ma kienx hemm ħsieb konkret ta’ kif strateġija bħal din tista' titwettaq," saħaq il-Ministru.

Għalhekk Fearne kompla jgħid li, "issa kien wasal iż-żmien li “mhux biss niktbu l-karti, iżda li jitnieda pjan ħolistiku u dettaljat ta' kif din l-istrateġija tista' titwettaq."

Il-Ministru aċċena wkoll għall-futur tal-Isptar Monte Karmeli. "Għalkemm m’huwiex post sabiħ xorta waħda għandna bżonnu, minħabba l-fatt li hemm diversi pazjenti li ilhom hemm snin u għalhekk diffiċli li noħroġuhom minn hemm,” sostna Fearne. Żied jgħid ukoll li, "nafu li ħafna mid-drabi persuni li jkunu qegħdin ibatu minn problemi ta' dan it-tip, ma fittxewx għajnuna, għalhekk qegħdin naħdmu mal-impjegaturi u l-iskejjel varji bil-għan li l-kura tkun aktar viċin in-nies."

Apparti minn dan, il-Ministru saħaq li, “aħna nemmnu li l-kura għandha tingħata 'l barra mill-isptarijiet tagħna u għandna tkun kura inklużiva.”

Il-konsultazzjoni pubblika mistennija tintemm fi Frar tas-sena d-dieħla.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook