'Mhux qed isir biżżejjed biex ikunu mħarsa s-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema' - PD

Il-PD jirreaġixxi għall-inċident tal-bieraħ fejn żagħżugħ tilef ħajtu wara li waqa’ għoli ta’ seba’ sulari 

Qui-si-Sana fejn ilbieraħ tilef ħajtu ż-żagħżugħ
Qui-si-Sana fejn ilbieraħ tilef ħajtu ż-żagħżugħ

Il-Partit Demokratiku saħaq li mhux qiegħed isir biżżejjed biex tkun imħarsa s-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema.

Wara l-inċident tal-bieraħ, fejn żagħżugħ tilef ħajtu wara li waqa’ għoli ta’ seba’ sulari waqt li kien qed jiksi ħajt ta’ binja, il-Partit Demokratiku staqsa kemm verament in-numru ta’ rapporti qed jagħtu stampa ċara tal-periklu li qed jaħdmu fih ċertu ħaddiema.

Filwaqt li saħaq li n-numru ta’ rapporti ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol qed juru tnaqqis, staqsa jekk dawn hux qed juru stampa vera.

Kien għalhekk li għamel dawn il-ħames mistoqsijiet:

  • Kemm-il inċident ma jiġix irrapportat purament għax l-impjegat ikun qed jaħdem b’mod illegali?
  • L-OHSA għandha r-riżorsi neċessarji, primarjament umani, biex ilaħħqu man-numru dejjem jikber ta’ postijiet tax-xogħol u numru dejjem jikber ta’ impjegati?
  • Għaliex nuqqasijiet ċari fuq siti ta’ kostruzzjoni qed jitħallew għaddejjin qisu xejn mhu xejn?
  • Min iħaddem, u l-unjins, qed jagħmlu biżżejjed biex jiżguraw li miżuri adegwati ta’ sigurtà u saħħa qed jittieħdu biex jitnaqqsu r-riskji fuq il-postijiet tax-xogħol?
  • Jafu l-impjegati dwar kif jieħdu ħsieb saħħithom, ta’ sħabhom u tal-pubbliku?

“Statistiċi uffiċjali tal-Eurostat juru li l-imwiet annwali f’Malta huma bejn wieħed u ieħor 3 għal kull 100,000 ħaddiem, meta l-medja fl-Ewropa hija 1.8 għal kull 100,000. Dan waħdu jurina li għad hawn ħafna x’irid isir,” kompla l-Partit Demokrariku.

L-istqarrija tkompli tisħaq li Malta hija nieqsa minn approċċ proattiv biex jitnaqqsu r-riskji b’edukazzjoni, setgħa, u infurzar

“Il-PD jifhem li din is-sitwazzjoni għandha tiġi indirizzata u jinsab lest jitkellem mal-istakeholders kollha u jaħdem għal Policy Nazzjonali fuq OHS. In-numru dejjem jikber ta’ ħaddiema ma jistħollqu xejn inqas,” ittemm tgħid l-istqarrija.

More in Kronaka