'Ma tistax tagħmel hekk lil martek' - Maġistrat lil raġel li ta' daqqa ta' ponn lil martu

...minkejja dan il-mara tgħid li tixtieq tibqa' tgħix mar-raġel 

Il-Qorti illum semgħet kif mara allegatament vittma ta' vjolenza domestika qalet li xorta xtaqet li tibqa' tgħix mar-raġel li taha daqqa ta' ponn. 

Il-mara dehret illum quddiem il-Qorti hekk kif żewġha, Eġizzjan, kien akkuzat illi kkawża ġrieħi ħfief fuq il-mara u ġiegħla tibża' mill-vjolenza. 

Fil-Qorti, liebsa nuċċali tax-xemx, il-mara sostniet illi hi bdiet tgara l-affarijiet u dak li għamel ir-raġel kien li ddefenda lilu nnifsu.

Il-Qorti osservat kif it-tnejn kienu qed jitgħannqu u juru ċertu mħabba lejn xulxin fil-Qorti. 

Il-Maġistrat Natasha Galea qalet lill-akkużat illi qatt ma jista' jagħmel dak li għamel lil martu. "Ma tistax tagħmel hekk lil nartek. Qatt. Imma issa jista' jkun li qed tiffaċċja priġunerija u multa," qalet Galea qabel daret fuq il-mara u nkoraġietha biex tipproteġi lilha nnifisha. 

Ir-raġel ingħata ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €300 u garanzija personali ta' €3,700.

More in Kronaka