Akkużat b'abbuż sesswali fuq l-immigranti li suppost kien qed jieħu ħsieb

Raġel ta' 55 sena minn Ħal Luqa akkużat illi bagħbas u offra flus lil erba' tfajliet immigranti...

Ritratt minn passnownow.com
Ritratt minn passnownow.com

Ħaddiem f'ċentru miftuħ għat-tfal mhux akkumpanjati u li qed ifittxu ażil f'pajjiżna kien akkużat b'abbuż sesswali fuq diversi tfajliet.. 

Ir-raġel Malti minn Ħal Luqa kien akkużat illi għamel atti sesswali mingħajr kunsens fuq erba' residenti f'dan iċ-ċentru. Hu kien akkużat ukoll li staqsa lit-tfajliet, ta' bejn 16 u 17-il sena għal pjaċiri sesswali, li offenda l-morali pubbliċi u li wettaq att li suppost hu kien qed jaħdem biex ma jseħħx. 

L-Ispettur John Spiteri li mexxa l-Prosekuzzjoni qal lill-Qorti illi tliet'ijiem ilu r-residenti għamlu rapport lill-pulizija u sostnew illi f'diversi okkażjonijiet l-akkużat bagħbashom u offrielhom il-flus għal pjaċiri sesswali. 

L-akkużat qed jiċħad l-akkużi.

L-avukati tiegħu Arthur Azzopardi u Alfred Abela talbu għall-ħelsien mill-arrest. Huma qalu illi l-allegati vittmi kienu taħt il-kustodja tal-Istat filwaqt li l-ħaddiem kien sospiż mix-xogħol. Fakkru wkoll illi l-akkużat għandu kondotta nadifa. 

Il-Qorti iżda ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-vittmi għad iridu jixhdu u minħabba n-natura tal-akkużi. 

 

More in Kronaka