Ħatja li għamlet ħsara lill-'pet groomer' għaliex kitbet kontra Adrian Delia

L-akkużata mmultata €1,000 wara li kitbet kummenti ta' ħsara dwar mara fuq il-'Grupp PN'

Illum fil-Qorti, nstema’ każ partikolari fil-konfront ta’ mara li ġiet mixlija li għamlet kummenti malafamanti fuq Facebook fil-konfront ta' mara oħra li kienet taħdem bħala pet groomer.

Jidher kollox beda meta, din tal-aħħar għalqet il-ħanut tagħha għal xi żmien minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Meta finalment din kienet irkuprat din informat lill-klijenti kollha tagħha li se terġa’ tiftaħ. L-akkużata, weġbitha lura u infurmata li daqshekk kienet se tfittex is-servizzi tagħha minħabba  l-kummenti li hi kienet kitbet fuq Facebook kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Apparti minn hekk, il-Qorti semgħet kif l-akkużata tellgħet kopja tal-korrispondenza tagħhom fi grupp privat ta’ 12,000 ruh, bl-isem ta’ ‘Grupp PN’ u kif l-akkużata, allaċċjat mal-kitba tagħha l-allegazzjoni li l-mara kellha relazzjoni mal-eks kandidat Nazzjonalista Weyne Hewitt. Il-mara inkwistjoni għalhekk kienet ġiet mitluba tneħħi l-kitba tagħha  però kollox jidher li waqqa’ fuq widnejn torox, dan sakemm wieħed mill-amministraturi tal-grupp neħħa l-post.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-mara saħqet li dil-kitba għamlitilha l-ħsara personali u professjonali. Minn naħa tagħha l-Qorti qalet li dan il-kumment kien sar biex issir ħsara lill din il-mara filwaqt li esprimiet it-tħassib tagħha dwar kif qed tiġi użata l-midja soċjali.

Għalhekk il-Qorti ddeċidiet li l-mara li kitbet il-kummenti għanda tħallas is-somma ta’ €1,000 bħala danni.

More in Kronaka