Qorti | Mara ma tinstabx ħatja li kkawżat il-mewt ta' għaddas

L-għaddasa kienu qed jgħumu fejn kien mgħerreq l-Um El Faroud...

Ritratt meħud minn cfcc.edu
Ritratt meħud minn cfcc.edu

Il-Qorti ma sabitx ħatja lill-instructor tal-għaddasa Pollakki wara inċident li rriżulta fil-mewt ta’ għaddas Pollakk sentejn ilu ġewwa Wied iż-Żurrieq. Mara kienet akkużata li l-mewt ta’ Przemyslaw Jan Walkiewicz kien riżultat tat-traskuraġni tagħha. Dan il-każ seħħ lura fl-10 t’April tal-2016 waqt spedazzjoni tat-tiġrif tal-Um-El-Faroud. Il-Puluzija akkużaw lil Kuowska b’qtil involuntarju minħabba t-traskuraġni,  nuqqas ta’ prudenza u nuqqas ta’ teknika fil-professjoni tagħha jew inkella li ma mxietx mar-regoli tal-għaddasa.

Mix-xhieda fil-Qorti ħareġ li l-akkużata hija għaddasa ta’ esperjenza u kienet ilha instructor tliet snin. Rriżulta wkoll li hija kienet għaddset kemm-il darba fil-viċinanzi tal-Um-El-Faroud. Kien id-direttur tal-iskola tal-għaddasa, Noel Micallef, li wara l-istħarriġ li sar iddetermina li l-kundizzjonijiet tal-baħar kienu tajbn biex il-grupp jogħdos fl-inħawi.  

Tul l-għadsa, il-Pollakka indunat li Walkiewicz kien qed jinġarr mal-kurrent u marret tagħtih l-ewwel għajnuna minnufih. Dan kien ikkawżat min nuqqas ta’ arja. F’dan il-ħin l-għaddasa kienu mas-700 metru bogħod mix-xatt u l-operazzjoni ta’ salvataġġ saret f’riħ qawwi Forza 6. Filwaqt li wħud mill-għaddasa rnexxilhom jgħumu sax-xatt, oħrajn kellhom jittellgħu mill-baħar b’ħelikopter.

Mill-awtopsja li saret jirriżulta li l-għaddas Pollakk miet kawża ta’ barotrauma, dan ifisser li l-għaddas tela’ f’wiċċ l-ilma malajr ħafna, li rriżulta li ntilef minn sensih u miet.

L-arloġġ diġitali, li jiggwida u jiddetermina meta l-għaddas kellu jitla’ fil-wiċċ u b’liema rata jitla’, ta’ Walkiewicz ma nstabx minkejja li ntlemaħ f’idu meta kien qed jittella’ bil-ħelikopter mill-baħar. 

L-ebda prova li tista’ tinkrimina lill-akkużata ma nstabet fil-Qorti, fejn anke l-verżjonijiet tax-xhieda qablu kollha dwar kif ir-regolamenti kienu kollha segwiti. Jumejn qabel tħassret l-għaddsa minħabba l-maltemp. Għall-Qorti dan jikxef kif l-akkużata ma kinitx tħobb tissogra u kemm kienet kawta f’xogħolha.

Mill-provi miġbura waqt il-proċeduri fil-Qorti, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ma sabitx raġuni li biha tista’ ssib ħatja lill-akkużata bil-qtil involontarju tal-għaddas. Il-Maġistrat Frendo Dimech ħelset lill-akkużata Paulina Kurowska minn kull akkuża ta’ qtil involontarju tal-għaddas Pollakk Przemyslaw Jan Walkiewicz.

More in Kronaka