Għall-ħabs wara li ta fastidju lill-mara minkejja ordni ta’ protezzjoni

Il-Maġistrat Joe Mifsud jikkundanna bla riżervi kull forma ta' vjolenza domestika

Dalgħodu fil-Qorti, raġel kien ikkundannat sentenza ta’ sitt xhur ħabs u immultat €2300 wara li f’Novembru tal-2016, propju ftit wara seduta tal-qorti ir-raġel ta fastidju lill-martu. Dan minkejja li l-vittma u t-tfal tagħha kienu protetti mill-Qorti b’ordni ta’ protezzjoni u għalhekk l-akkużat kien ristrett milli jersaq lejhom.

Fil-Qorti l-ispettur Priscilla Caruana Lee spjegat l-affari. F’Novembru tal-2016, ftit wara li mart l-akkużat ħarġet mis-seduta tal-Qorti din qabdet triqtha għax-xelter soċjali fejn hi kienet qiegħda tgħix temporanjament mat-tfal tagħha. Hekk kif għaddiet minn quddiem kafetterija, l-akkużat għadda kumment intimadanti u dlonk beda miexi warajha.

Mbeżża' l-mara, daħlet tistkenn ġewwa ħanut f’Triq ir-Repubblika. Minkejja dan kollu, ir-raġel xorta waħda baqa’ jsegwi l-passi tagħha, dan  sakemm il-vittma għamlet kuntatt mal-avukat tagħha u l-Pulizija.

Fil-qorti ġie spjegat ukoll li l-akkużat kien arrestat mill-Pulizija wara li hu falla tmien seduti tal-Qorti.

Fir-rimarki tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq li, bl-għemil tiegħu l-akkużat abbuża mill-ħniena tal-Qorti u għalhekk din id-darba ma kienx ħaqqu maħfra. Il-Maġistrat ikkundanna wkoll bla riżervi kull forma ta’ vjolenza domestika.

More in Kronaka