Tliet snin wara Libjan akkużat bil-qtil ta’ mara Maltija għadu mfittex

Ibrahim, ta’ 37 sena huwa l-unika suspettat fl-investigazzjoni fil-qtil ta' martu

L-eks raġel tal-vittma tal-qtil Silvana Muscat għadu fuq il-lista tal-Eurpol tal-aktar persuni mfittxija fl-Ewropa, tliet snin wara li seħħ l-omiċidju illi hu mifhum illi hemm hu warajh. Ir-raġel jismu Hamid Nour Eddine Ibrahim u qed ikun imfittex mill-Pulizija Maltija wara illi dan ħarab mill-pajjiż.

Ibrahim, ta’ 37 sena huwa l-unika suspettat fl-investigazzjoni fil-qtil ta’ Muscat, li kienet martu, u kien saħansitra ttella’ l-Qorti, ġimgħat qabel l-qtil, akkużat illi b’għemilu ta fastidju lil Muscat. Hu kien ordnat biex ma jersaqx lejn il-mara.

Ibrahim u Muscat kienu ilhom miżżewġin biss sena u kienu għaddejjin bil-proċessi ta’ separazzjoni.

Silvana Muscat kienet instabet mejta fuq sodda, fl-appartament f’San Pawl il-Baħar, minn membru tal-familja b’ħames daqqiet ta’ sikkina. Sal-ħin li nstabet mejta, Ibrahim kien diġà telaq mill-pajjiż.

Sena wara li tpoġġa fil-lista tal-Europol, wiċċ il-Libjan b’karta tal-identità Maltija, għadu jidher fuq il-lista ta’ dawk li huma fost l-aktar imfittixija fl-Ewropa.

Il-karozza tas-suspettat dehret fl-ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn fejn  qabad titjira lejn Bergamo. Sorsi kienu infurmaw lill-pulizija illi Ibrahim kien deher xi mkien f’Dublin, xahar wara, l-aħħar informazzjoni li kienet ingħatat dwar Ibrahim.

Kontra Ibrahim hemm mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll internazzjonali. Huwa qed ikun akkużat li kkawża ġrieħi gravi u sussegwentement il-qtil ta’ Muscat.

More in Kronaka