1,650 persuna involuti f'inċident fuq il-post tax-xogħol fl-ewwel sitt xhur tas-sena

Kwazi nofs dawn l-inċidenti kienu jinvolvu ġrieħi fin-naħa ta' fuq tal-ġisem, fosthom swaba' u l-idejn

Kienu 1,653 dawk il-ħaddiema involuti f'inċidenti mhux fatali fuq il-post tax-xogħol fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2018. Il-maġġoranza ta' dawn l-inċidenti seħħew fis-settur tal-manifattura (15.4%), filwaqt li b'15.1% it-tieni l-aktar settur tax-xogħol li fih seħħew inċidenti kien fil-qasam tal-kostruzzjoni. 

L-akbar persentaġġ ta' nies involuti f'inċidenti fuq il-post tax-xogħol kienu fost dawk b'impjiegi elementari, segwiti minn dawk l-impjiegi li jirrikjedu xogħol tal-id u snajja partikolari.

Kwazi nofs dawn l-inċidenti kienu jinvolvu ġrieħi fin-naħa ta' fuq tal-ġisem, fosthom swaba' u l-idejn.

In-numru ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol fl-ewwel nofs tas-sena 2018, żdiedu b'60 meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2017.

Intant, kien hemm inċident wieħed fatali fuq il-post tax-xogħol fl-ewwel sitt xhur tas-sena, eżatt bħall-ewwel sitt xhur tal-2017. 

 

 

 

More in Kronaka