'You shit motherf***er' - Hekk jintlaqa' l-akkużat bil-qtil ta' Hugo fl-Awla tal-Qorti

Jibda jinstema' l-każ ta' Bojan Cmelik, akkużat bil-qtil tal-intraprenditur Hugo Chetcuti...

Dalgħodu beda jinstema' l-każ ta' Bojan Cmelik, akkużat bil-qtil tal-intraprenditur Hugo Chetcuti. Probabilment wieħed mill-aktar każi jaħarqu fiż-żmien riċenti, flimkien ma' dak tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. U fil-fatt lanqas laħaq daħal fl-awla Cmelik li xi ħadd indirizzah billi qallu 'you shit motherf***er." 

L-akkużat, Serb ta' 35 sena, qal lill-Qorti illi hu m'għandux indirizz fiss.  

Robert Pattinot, tabib, xehed illi hu kien qiegħed ċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana fis-1:30 a.m meta l-Pulizija ħadu lill-akkużat għat-trattament. Iż-żewġ Pulizija kellhom xi grif u kienu iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ħfief. L-akkużat kellu jinħasillu wiċċu wara li ntuża fuqu il-'pepper spray'.

Imbagħad tela' jixhed is-Surġent tal-Pulizija Sean Axiaq. Is-surġent huwa stazzjonat fl-għassa ta' San Ġiljan u kien xogħol matul il-lejl tal-inċident. Axiaq qal li l-Pulizija irċevew telefonata fl-10:30 p.m. u kienu nfurmati li persuna kienet qalgħet diversi daqqiet ta' sikkina ħdejn Hugo's Boutique Hotel f'Paceville. Il-Pulizija qalu li Issac Chetcuti, ħu l-vittma, kien qalilhom li ġera wara l-akkużat sa' ħdejn Bobby's Tattoo Parlour fi Triq San Ġorġ, sakemm imbagħad dar lura biex jara il-qagħda li kien fiha ħuħ.

F'dan il-punt il-Pulizija, immedjatament saqu fid-direzzjoni ta' fejn kien telaq jiġri l-akkużat, lejn il-Knisja tal-Balluta.

 Axiaq spjega kif l-RIU infurmawhom li l-akkużat kien inqabad fi Triq Santa Liena f'Tas Sliema. Hu qal li malli waslu fuq il-post sabu lill-akkużat jinżamm mal-art minn żewġ uffiċjali tal-RIU. Cmelik qallhom li jgħix fit-triq u qal lill-uffiċjali, "nitkellmu l-Qorti."  

rajt lil din il-persuna taqbdu minn rasu...kien qisu se jgħannqu Isaac Chetcuti, ħu Hugo

Is-Surġent qal illi hu kellem lil James Farrugia, wieħed mill-bodyguards ta' Chetcuti. Huwa qal illi wara li kien infurmat b'dak li ġara mar ħdejn Hugo's Boutique Hotel u sab lil Hugo iżomm il-ferita. 

L-għada mar f'restorant fejn jaħdem Adam Milic, ħu Bojan. Dan qal li kien ilu ma jkellem lil ħuh u li għalkemm l-akkużat kien jgħix miegħu, kien jevitah fejn possibli. Il-Pulizija mbagħad marru fl-appartament fejn kien jgħix u ħadu l-karta tal-identità, l-passaport u l-mowbajl ta' Cmelik. Dan jikkuntrasta allura ma' dak li kien qal lill-Pulizija meta nqabad f'Tas Sliema, jiġifieri li m'għandux fejn jgħix.  

Il-Pulizija ddeskrivew l-attitudni ta' Milic bħala waħda aggressiva.  

Il-Kuntistabbli Glenn Vella spjega kemm kien diffiċli, li jsir l-arrest tal-akkużat illi huwa raġel b'saħħtu ħafna u li rreżista l-arrest, tant li kienu tliet membri tal-korp illi kellhom iżommu lil Cmelik mal-art. 

L-akkużat qed isegwi mingħajr ma juri ebda emozzjoni, filwaqt li jidher illi fl-awla hemm sens ta' aspettativa, l-aktar biex ikun magħruf il-mottiv tal-qtil. 

'Kien qisu se jgħannqu...'

Intant beda jixhed ukoll ħu Hugo, Isaac. Dan qal li kien qed jiekol Lobster. "Konna jien u oħti u Simon, il-foreman li jieħu ħsieb il-kostruzzjoni tal-lukanda l-ġdida. U kien hemm raġel magħruf bħala Gypsy, Farrugia, jekk mhux sejjer żball (qed jirreferi għal James Farrugia)." 

"Hugo kellu dahru lejn il-ħġieġ ta' Bacco (stabbiliment ta' Hugo Chetcuti), u kien qed iħares lejn l-entratura ta' Seafood and Cocktails...smajt lil xi ħadd jgħajjat Hugo u dort, rajt l-akkużat riesaq lejh....Kien liebes flokk blu u beritta safra. Meta rajtu kien qiegħed ħdejn Bar Native...ħija fetaħ idejh biex jeħodlu b'idu..."

U x-xhud ikompli, "rajt lil din il-persuna taqbdu minn rasu...kien qisu se jgħannqu. Minn hemmhekk rajt idejh resqin lejn żaqq Hugo darbtejn u Hugo waqa' minn fuq is-siġġu."

Jispjega kif dan kollu ġara b'ħeffa kbira. 

Intant ħuħ jgħid kif minkejja li l-kundizzjoni tiegħu kienet qed titjieb il-Ħadd ta' qabel ma' miet kien qal illi kien muġugħ ħafna u kien qed iħossu se jmut. 

Intant jirriżulta li hemm filmat CCTV li juri bl-aktar mod ċar l-inċident. Il-filmat se jintwera' aktar tard f'dan il-każ. 

Hu u ħiereġ mill-awla xi ħadd qal lil Cmelik, b'sarkażmu, "grazzi, grazzi ħafna."

(il-każ ikompli...)

More in Kronaka