'Qed jippruvaw jagħmlu eżempju bina...u David Casa qed jimbutta biex dan isir' -Scicluna

Edward Scicluna jgħid li ħafna mill-istejjer negattivi dwar Malta għandhom sors wieħed...David Casa jgħid li l-Ministru tilef il-boxxla u għandu jirriżenja

Edward Scicluna jakkuża lil Casa, Casa jirribatti dwar il-Pilatus
Edward Scicluna jakkuża lil Casa, Casa jirribatti dwar il-Pilatus

Il-Ministru Edward Scicluna kellu kliem iebes u rribatta bil-qawwi sejħiet biex jirreżenja mill-Partit Nazzjonalista wara ċ-ċamata li qalgħet L-FIAU mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) fuq l-investigazzjoni fl-operat tal-Bank Pilatus.. F'artiklu li kiteb fuq il-gazzetta The Times Scicluna qal illi qed issir pressjoni fuq l-EBA biex "tgħaġġel u tieħu azzjoni fil-qasam tal-Leġiżlazzjoni kontra l-Ħasil tal-Flus għall-ewwel darba fuq livell Ewropew u jagħmlu eżempju b'istituzzjoni Maltija biex juru li r-regolatur finanzjarju Ewropew għandu saħħa." 

Scicluna jippunta subgħajh direttament lejn l-MEP Nazzjonalista David Casa u jgħid illi l-pressjoni biex Malta tintuża bħala eżempju, permezz tal-kundanna tal-EBA fuq l-FIAU l-ġimgħa l-oħra, saret mill-Kummissjoni Ewropea. "U l-pressjoni politika fuq il-Kummissjoni ġiet speċifikament minn tliet MEPs, imbuttati minn David Casa."

Casa:  il-Ministru tal-Finanzi jew jinsab fi stat ta’ delużjoni

Pront wieġeb Casa illi akkuża lil Scicluna illi tilef il-boxxla. “Edward Scicluna ilu responsabbli mill-FIAU u l-MFSA mill-2013. Ma jista’ jwaħħal ħadd ħlief fih innifsu għall-fatt li dawn l-istituzzjonijiet inħatfu politikament biex jiproteġu lill-kollegi tiegħu fil-kabinett. L-allegazzjoni li l-affarijiet nqalgħu minħabba xi influwenza supernaturali li għandi fi Brussell hi prova ċara ta’ kemm il-Ministru tal-Finanzi jew jinsab fi stat ta’ delużjoni, jew inkella ma jridx jew ma jafx kif se jindirizza l-problemi li għandu. Hi x’inhi r-raġuni, hu ċar li mhux f’pożizzjoni li jnaddaf il-ħmieġ li hu stess ħoloq, u għandu jirriżenja immedjatament," temm jgħid Casa. 

Scicluna  qal li hu qatt ma ltaqa' ma' Ali sadr Hasheminejad "għalkemm probabilment iltaqa' mal-predeċessur tiegħu," sostna fir-rigward tal-fatt illi kienet l-ILLUM li żvletat kif l-applikazzjoni biex il-Bank jiftaħ u jopera f'Malta bdiet fl-2012 taħt Gvern Nazzonalista. Dokumenti ppubblikati fuq is-sit illum.com.mt juru kif ir-reġistrazzjoni saret fis-6 ta' Diċembru tal-2013 u l-liċenzja tingħata f'Awwissu 2015. It-Trading Licence ngħatat lill-Bank Pilatus fl-2014, dejjem taħt Gvern Laburista. 

Scicluna akkuża lill-PN b'attakki simili għal dawk tal-1998, "b'tattiċi tat-80ijiet."

More in Kronaka