Qorti | 'Jien taħt l-etá...dik karozza misruqa, ta' oħti'

....l-ewwel kliem ta' Liam Debono ftit wara li nqabad mill-Pulizija. Debono jinsab akkużat bl-attentat tal-qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri

L-akkużat; Liam Debono ta' 17-il sena
L-akkużat; Liam Debono ta' 17-il sena

Dalgħodu kompliet tinstema' l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ kontra Liam Debono, żagħżugħ ta' 17-il sena li jinsab akkużat bl-attentat ta' qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri

Is-Surġent Gareth D'Amato, li kien stazzjonat f'Ta' Kandja u li kien wieħed mill-grupp ta' nies li kienu  qed ifittxu lil Debono, xehed kif dan iż-żgħażugħ prova jgħaddi minn triq dejqa bil-karozza f'attentat biex jaħrab. Il-Qorti semgħet kif Debono iżda spiċċa maqbud f'din it-triq u ħabat. 

Mal-ħabta, Debono ħareġ mill-karozza u telaq jiġri f'għalqa, iżda l-Pulizija qabduh ftit mumenti wara. 

L-ewwel kliem tiegħu lill-uffiċjali li arrestawh kienu: "Jiena taħt l-età...u l-karozza (Mercedes li biha huwa akkużat li wettaq l-att) misruqa. Dik ta' oħti."

Simon ibqa' miegħi, ibqa' miegħi Xhud, każ kontra Liam Debono

Matthew Cachia, wieħed mill-ewwel uffiċjali fuq il-post, xehed fil-qorti dwar dak li sab quddiem għajnejh meta wasal fuq il-post fejn kien hemm Schembri mitfugħ mal-art. Huwa qal li l-Kuntistabbli Schembri qallu illi hu għaraf lill-akkużat, biex ftit wara saq fuqu.

Il-Kuntistabbli Micheal Sacco li wkoll kien fuq il-post fejn kien hemm Schembri qal li l-vittma tant kien f'qagħda ħażina li ma felaħx iħares lejh.

Jitla jixhed Kenneth Darmanin, li jmexxi negozju viċin fejn seħħ l-inċident. Huwa spjega kif waqt li kien fl-uffiċċju jżomm għajnejh fuq il-vetturi tax-xogħol, sema' ħoss kbir ta' brejkijiet ta' karozza. Ħares barra u ra karozza tat-tip Mercedes ddur fit-triq.

Innota li fuq it-triq raw xi ħaġa sewda li ħaseb illi seta' kien bumper tal-karozza. Xehed kif hu flimkien ma' dawk li kienu fuq il-post; 'ħsibna li kien xi bumper mal-art...imbagħad rajnieh jiċaqlaq u ndunajna li kienet persuna."

Il-Qorti semgħet ukoll kif persuna li ġiet tagħti l-ewwel għajnuna u li mid-dehra kienet taf lill-vittma bdiet tgħid, "Simon ibqa' miegħi, ibqa' miegħi.' 

Intant fil-Qorti bdiet tinstema' wkoll it-telefonata lill-Emerġenza (112) illi fiha huwa ċar is-sens ta' urġenza u paniku li inħolqot fix-xena tal-inċident. Darmanin jinstema' jgħid " ejjew, ejjew, ħaffu." 

B'kollox rtressqu 33 xhud. 

Il-Maġistrat iddeċieda li hemm biżżejjed provi biex Debono jitpoġġa taħt att ta' akkuża. 

More in Kronaka