Esklussiva | Il-Pulizija tinvestiga t-tixrid ta' ritratt li juri l-ġrieħi ta' Simon Schembri

Jiem wara l-inċident beda jdur ritratt fuq chats privati li ttieħed ftit wara li Schembri ttajjar u tkaxkar minn żagħżugħ ta' 17-il sena

Il-Kuntistabbli Simon Schembri
Il-Kuntistabbli Simon Schembri

Sorsi mill-Pulizija li tkellmu mas-sit illum.com.mt qalu li qed jiġi investigat it-tixtrid ta' ritratt li juri l-ġrieħi tal-kuntistabbli Simon Schembri.

Dan l-istess ritratt beda jdur fuq chats privati u saħansitra wasal għand il-gazzetta ILLUM. 

L-istess sorsi kkonfermaw li r-ritratt huwa awtentiku u jidher li ttieħed ftit ħin wara li Schembri ddaħħal l-Isptar biex jiġi operat.

Stqarrija maħruġa mill-Pulizija, ftit tal-jiem wara l-inċident, kienet tappella lill-pubbliku biex ma jxerridx ritratti u filmati tal-inċident, anke b'rispett lejn il-familja, li kif wieħed jista' jimmaġina, għaddejja minn trawma kbira.

Il-kuntistabbli Simon Schembri għadu qed jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.

Ilbieraħ, fil-Qorti, ntqal kif Schembri tkaxkar 400 metru taħt il-karozza li kien qed isuq żagħżugħ ta' 17-il sena. Il-każ seħħ wara li Schembri waqqaf liż-żagħżugħ għax ma kienx liebes seatbelt u talbu wkoll id-dokumenti tas-sewqan, li ovvjament ma kellux.

Fil-Qorti nstema' wkoll kif iż-żagħżugħ kien jaf li Schembri jinsab maqbud taħt il-karozza u beda jserrep biex jinqala'. 

Pulizija ddeskrivew dak li raw mallu waslu fuq il-post bħala "xena minn film tal-biża'."

Iż-żagħżugħ, li fl-ebda mument ma wera rimors għal dak li għamel, tant li Pulizija qal li kien "qisu għadu kemm ħa kolazzjon," qed jinżamm arrestat.

More in Kronaka