61% jaħsbu li l-gvernijiet qed isiru aktar protettivi tal-ekonomiji domestiċi tagħhom

Skond rapport ġdid mill-HSBC in-negozji huma mħassba dwar l-impatt tal-protezzjoniżmu

Skond rapport ġdid mill-HSBC, "Navigator: Now, next and how for business", in-negozji huma mħassba dwar l-impatt tal-protezzjoniżmu li qed jiżdied, iżda huma ottimisti dwar il-prospetti internazzjonali għan-negozju tagħhom.

Minn stħarriġ li sar ma 6,000 ditta madwar id-dinja, tlieta minn kull ħamsa (61%) jaħsbu li l-gvernijiet qed isiru aktar protettivi tal-ekonomiji domestiċi tagħhom. Dan is-sentiment huwa l-aktar b' saħħtu fost il-kumpaniji fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (70%), u l-Ażja-Paċifiku (68%). Fl-Istati Uniti, 61% jemmnu li l-protezzjoniżmu qiegħed jiżdied, filwaqt li fl-Ewropa, nofs (50%) qed jesperjenzaw żieda fit-tendenzi protezzjonisti.

Il-maġġoranza tad-ditti qed ifittxu li jidħlu bi sħab ma’ ditti oħrajn fir-reġjun tagħhom biex jiżviluppaw opportunitajiet ta' kummerċ. Kważi tliet kwarti (74%) tal-kummerċ barrani fl-Ewropa u l-Ażja-Paċifiku qed isir fir-reġjun fejn joperaw id-ditti stess. Din it-tendenza mistennija tkompli u r-rabtiet reġjonali qed jiġu prijoritizzati fil-pjanijiet ta' espansjoni tal-kumpaniji fuq perjodu ta' tlieta sa ħames snin.

"F'konformità mas-sejbiet ta' din ir-riċerka, id-ditti Maltin huma f'pożizzjoni tajba biex jieħdu vantaġġ miż-żieda tar-reġjonaliżmu kif ukoll mis-sentiment ottimist, u Malta għandha konnessjoni ġeografika tajba mal-kurituri importanti tal-kummerċ globali", spjegat Gaetano Sammut, HSBC Malta Country Head for Trade and Supply Chain.

Huwa żied jgħid li Malta għandha konnessjoni b'saħħitha mal-flussi tal-kummerċ globali, speċjalment dak li jgħaddi mill-kontinent Ewropew. Fil-fatt, skond l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika ta' Malta, fl-2017  l-esportazzjoni tal-pajjiż lejn pajjiżi Ewropej ġirien kien ħafna aktar minn dak lejn ir-reġjuni kollha l-oħra – l-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea ammontat għal €1,263 miljun mit-total ta' €3,207 miljun. L-esportazzjoni lejn swieq fl-Ażja u l-Afrika kienet ferm inqas bi €594 miljun u €557 miljun rispettivament. L-ogħla esportazzjoni minn  Malta kienet lejn il-Ġermanja, €398 miljun, l-Italja, €257 miljun u Franza, €231 miljun.

Fl-2017, l-importazzjoni lejn Malta ammontat għal €5,931 miljun, bil-maġġoranza, €3,174 miljun ġejja mill-Unjoni Ewropea. Din kienet segwita b’importazzjoni ġejja mill-Asja, ta’ €932.9 miljun u l-Amerika Ċentrali u ta' Fuq, b’valur ta’ €504.2 miljun. L-importazzjoni lejn Malta mill-Ewropa l-aktar ġejja mill-Italja, €1,174 miljun, segwita mill-Ġermanja, €418 miljun, u r-Renju Unit, €395 miljun.

L-istħarriġ tal-HSBC wera wkoll li d-ditti huma ffokati fuq it-tkabbir, b'aktar minn tlieta minn kull erba' (77%) ottimisti dwar il-prospetti internazzjonali tan-negozju tagħhom, u jistennew li l-volum tal-kummerċ jiżdied matul it-12-il xahar li ġejjin. Ir-raġunijiet għal din il-fiduċja jinkludu żieda fid-domanda għall-prodotti tagħhom minn konsumaturi u negozji (33%), kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli (31%) u użu akbar tat-teknoloġija (22%).

Il-Kap tal-Commercial Banking tal-HSBC Malta Michel Cordina żied: "B'mod ġenerali, il-kumpaniji madwar id-dinja qed jaġixxu malajr u jkunu flessibbli f'dinja fejn it-trade policies qegħdin jinbidlu. Il-kumpaniji qed jadattaw il-pjanijiet u r-relazzjonijiet tagħhom  biex jkollhom sehem mill-kummerċ li qed jgħaddi minn kuruturi ġodda. L-istrateġiji tagħhom jinkludu żieda fil-kummerċ reġjonali, it-twaqqif ta' impriżi konġunti jew sussidjarji lokali f' aktar swieq. Qed jieħdu vantaġġ ukoll minn tendenzi ġodda fis-suq u teknoloġiji diġitali.

Huwa żied: "Meta jagħmlu sforz biex jifhmu dak li qiegħed jixpruna, u dak li qiegħed inaqqas il-kummerċ, in-negozji Maltin jistgħu jidentifikaw riskji u opportunitajiet, u jieħdu deċiżjonijiet infurmati biex jikber in-negozju tagħhom. Il-konnettività internazzjonali ta' HSBC kienet strumentali biex tgħin mijiet ta' negozji lokali biex jespandu barra minn Malta. B'din il-konnettività globali, għax nafu sew ħafna swieq differenti, u permezz tal-inizjattiva Malta Trade for Growth, HSBC Malta jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jgħin lin-negozji biex jilħqu opportunitajiet ġodda madwar id-dinja. Din l-inizjattiva tappoġġja lin-negozji Maltin biex jirnexxu internazzjonalment u biex tiżdied l-ekonomija lokali."

Ir-rapport sħiħ jista' jiġi aċċessat hawn: http://www.business.hsbc.com/trade-navigator

 

More in Kronaka