Għall-ewwel darba il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jitkellem dwar il-lap top li kienet tuża Daphne Caruana Galizia qabel inqatlet u li qatt ma nġabar mill-Pulizija b'indikazzjoni illi l-familja m'għadditux għax m'għandhiex fiduċja fil-korp tal-Pulizija.
Il-gazzetta u s-sit ILLUM staqsew lill-Kummissarju tal-Pulizija x'għamel hu flimkien mal-Korp tal-Pulizija biex jinġabar dan it-tagħmir elettroniku, li huwa mifhum li fih hemm ammont ta' evidenza. Il-Kummissarju qal li l-Pulizija "għamlet dak kollu possibbli bil-liġi sabiex il-laptop tal-vittma jinġabar u tiġi ippriservata kull evidenza li jista’ jkun hemm fih."
"Il-Pulizija investigat dan il-fatt sa mill-bidu nett tal-każ", insista Cutajar mal-ILLUM, "jiġifieri mal-mument li kien magħruf illi fil-vettura fejn seħħet l-isplużjoni, ma kienx hemm evidenza li b’xi mod tindika li l-laptop seta kien fl-istess vettura. Il-Pulizija hija konxja tal-fatt illi l-laptop li kienet tuża l-vittma fix-xogħol ġurnalistiku tagħha jista’ jkun fih evidenza ghal każ u għaldaqstant, sa mill-bidu nett tal-investigazzjoni sar kull sforz possibbli, u saħansitra l-Pulizija rrikorriet għal mezzi mogħtija lilha skond il-liġi, sabiex tiżgura li dan l-istess laptop jinġabar u tiġi ippriservata kull evidenza li jista’ jkun hemm fih."
Mistoqsi jekk il-Pulizija li qed jinvestigaw il-każ fil-fatt talbux lill-familja għal dan il-laptop li mifhum li fih l-evidenza Cutajar ikkonferma. "... iva, il-Pulizija huma konxji tal-fatt illi dak il-laptop li inġabar mill-espert tal-Qorti ma huwiex l-istess laptop li l-vittma kienet tuża fix-xoghol ġurnalistiku tagħha. Dan ħareġ ukoll ċar fix-xhieda tal-istess espert fis-seduta tat-12 ta’ April 2018.