Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Ritratti | Id-Dwana ta' Malta kruċjali biex tkisser ċirku ta' traffikar tad-droga madwar l-Ewropa

F’din il-ħidma kienu nvoluti d-Dwana Franċiża, id-Dwana Spanjola, id-Dwana Maltija kif ukoll id-Dwana u l-Pulizija Kroata.

Yendrick Cioffi / 13 ta' Marzu 2018 13:40
Ħidma konġunta bejn diversi Dwaniet, fosthom id-Dwana ta’Malta waslet biex ġiet interċettata u kkonfiskata konsenja ta’ 100 kilo kokaina fil-port ta’ Rijeka fil-Kroazja, liema missjoni kissret ċirku ta’ kriminalità organizzata

F’din il-ħidma kienu nvoluti d-Dwana Franċiża, id-Dwana Spanjola, id-Dwana Maltija kif ukoll id-Dwana u l-Pulizija Kroata.

Fi stqarrija, id-Dwana spjegat kif għal numru ta’ ġimgħat, container mimli metal scrap, li kien fi triqtu minn pajjiż fl-Amerika t’Isfel lejn l-Ewropa, kien qiegħed jiġi osservat u hekk kif wasal fil-port ta’ Algeciras, fi Spanja, ittieħdet id-deċiżjoni li tinżamm sorveljanza stretta fuqu sakemm jasal Malta.

Meta waqaf għal ftit ħin f’Malta, id-Dwana Maltija, permezz tal-apparat ġdid tagħha, ħadet scan tal-container u irriżulta li kellu fih kontenut li deher suspettuż.

Biex jinqabad min kien se jirċievi dan il-kontejner, flok saret spezzjoni f’Malta, intbagħtu r-ritratti tal-iscans f’Rijeka u ġie rrilaxxat il-container taħt sorveljanza stretta biex jitwassal intatt f’idejn id-Dwana Kroata.

Malli wasal fil-Kroazja instabu fih 100 kilo kokaina li kienu moħbija fi strutturi tal-ħadid.

Fis-6 ta’ Marzu sar ir-rilaxx tal-container li baqa’ jiġi segwit sakemm il-Pulizija Kroata intervjeniethu f’Zagreb, fejn ġew arrestati 9 persuni: 6 Kroati, Olandiż, Spanjol, Kolumbjan u persuna mill-Bosnia-Herzegovina. 

L-investigazzjonijiet komplew jitwessgħu u issa anki daħlu l-Pulizija ta’ Slovenja, il-Ġermanja u l-Olanda.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook