Qorti | Sentenza sospiża għal raġel li xerred filmati ta' tarbija qed tiġi stuprata

Raġel mill-Filippini li xerred filmati pornografiċi jirċievi sentenza ta' sentejn priġunerija sospiżi għal erba' snin

Ir-raġel akkużat illi xerred filmat ta' tarbija, illi fiha l-istess tarbija kienet qed tiġi stuprata, ngħata sentenza ta' sentejn priġunerija sospiżi għal erba' snin.

Kien iktar kmieni din il-ġimgħa li dan ir-raġel, flimkien ma' sitt akkużati oħrajn tressqu l-Qorti fuq diversi akkużi, lkoll relatati ma' pornografija tat-tfal. Tnejn minnhom ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom mill-ewwel. 

Tlieta minn dawn is-seba' rġiel inqatgħet is-sentenza kontrihom illum. Apparti l-Filippin, żewġt'irġiel Maltin ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom b'wieħed jitpoġġa fuq probation għal tliet snin u jkun ordnat jieħu trattament psikoloġiku, filwaqt li l-ieħor qed jistenna li jsir rapport dwaru qabel ma tinqata' s-sentenza. Huwa ingħata ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta' €800 u garanzija personali ta' €3,000. 

L-ismijiet tal-akkużati ma jistgħux ikunu ippublikati b'ordni tal-Qorti. Huma ġejjin minn diversi oqsma tal-ħajja, minn impjegat ta' bank għal studenti. 

Il-Maġistrat Audri Demicoli qed tippresiedi fuq il-każ. 

 

More in Kronaka