Taljan imħallas €1,000 talli ttraffika 32kg droga u daħħal €42,000 minn Sqallija

....Imma t-Taljan jgħid li hu kien biss imqabbad idaħħal id-droga, mhux il-flus minn Pozzallo

(Arkivji)
(Arkivji)

Fil-Qorti kompla jinstema' l-każ ta' raġel li kien arrestat fil-Ħamrun nhar il-Ħamis li għadda wara li nstab li kellu karozza mimlija kannabis u flus kontanti.

Waqt ix-xhieda fil-Qorti li kien qed jagħti l-Ispettur Kevin Pulis illum jirriżulta li xogħol l-akkużat kien dak li jittrasporta 32kg ta' Kannabis u €42,000 fi flus kontanti minn Pozzallo għal Malta.

Fil-fatt, mix-xhieda jirriżulta li t-Taljan kien qal lill-Pulizija li hu waqaf fil-port ta' Katanja, ġabar id-droga u minn hemm saq lejn Pozzallo. Huwa spjega kif imbagħad mar għand żewġ Maltin, li għandhom akkużi kontrihom f'każ separat, u talabhom il-ħlas. 

B'kollox, kompla jixhed l-Ispettur, l-akkużat tħallas €1,000 għal din il-biċċa xogħol. L-ispettur xehed kif it-Taljan Salvatore Coco kien qal li kien iltaqa' mal-Maltin f'restorant fejn ġie maqbul il-pjan. 

Meta l-Pulizija staqsew dwar il-flus li nstabu fil-karozza, huwa qal li wieħed mill-Maltin li kien mifthiem magħhom tefagħhom fil-karozza u li ma kellu ebda idea ta' x'għandu jagħmel bihom. 

Il-Maltin akkużati, Michael Aquilina u Gordon Schembri, ma rrispondewx għall-mistoqsijiet li sarulhom mill-Pulizija, semgħet il-Qorti. 

Il-każ se jkompli fil-Qorti. 

More in Kronaka