Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

L-MIA tbassar 6.5 miljun passiġġier fl-2018

L-MIA tgħid li n-numru ta’ passiġġieri ser jikber b’madwar 7-9% fl-2018

Staff Reporter / 12 ta' Jannar 2018 16:17
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta illum ppreżenta t-tbassir tat-traffiku tiegħu għall-2018, fejn żvela li qed jistenna li jesperjenza aktar tkabbir tul is-sena li ġejja sabiex jilħaq total ta’ 6.5 miljun passiġġier.

Dan it-tbassir ġie ppreżentat waqt il-konferenza stampa tat-traffiku annwali tal-ajruport, jiem biss wara li l-istess ajruport ħabbar li kien laqa’ s-sitt miljun passiġġier tiegħu għall-2017 u b’hekk kiser kull rekord tat-traffiku preċedenti.

L-2017 ġiet fi tmiemha b’6,014,548 moviment tal-passiġġieri, li jsarrfu f’żieda notevoli ta’ 17.5% fuq l-2016; jiġifieri l-aktar rata mgħaġġla ta’ tkabbir ta’ kull żmien. Din iż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri ġiet osservata b’mod parallel ma’ żieda ta’ 15% fil-movimenti tal-ajruplani u żieda ta’ 18% fin-numru ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet.

Minkejja li dawn il-postijiet żdiedu, is-'seat load factor' (SLF) għas-sena baqa’ wieħed għoli ta’ 82.4%, f’konformità mat-tendenza osservata fl-Ewropa. L-aqwa swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-2017 kienu r-Renju Unit (+8.9%), l-Italja (+14.8%), il-Ġermanja (+20.9%), Franza (+20.6%), u l-Belġju (+109.2%). “Filwaqt li jista’ jidher diffiċli li nisbqu l-prestazzjoni tagħna tal-2017, it-tbassir li qed inħabbru llum jindika li nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn sena promettenti oħra, sakemm il-ħidma sfiqa, l-investiment u l-għoti ta’ servizz eċċellenti ma jonqsux.

"Nixtieq nirringrazzja lit-tim kollu tal-ajruport u lill-partijiet interessati tal-kontribut tagħhom sa issa fl-istorja ta’ suċċess tal-ajruport, u nistieden aktar kooperazzjoni sabiex flimkien niktbu kapitolu eċċitanti ieħor,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg.

Ġie enfasizzat ukoll li, għall-ewwel darba fir-rekords tal-ajruport, ix-xhur kollha tas-sena rreġistraw tkabbir b’żewġ ċifri, riżultat li jawgura tajjeb għall-istrateġija żviluppata mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, li tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni potenzjali tul is-sena kollha.

Is-Sur Borg kompla billi qal li l-iskeda tas-sajf tal-ajruport għall-2018 tinkludi xejn anqas minn 16-il rotta ġdida, li ser itellgħu n-netwerk ta’ destinazzjonijiet tal-ajruport għal 100. Barra minn hekk, din l-iskeda tintroduċi għall-ewwel darba titjiriet lejn il-Portugall, destinazzjoni li ilha ħafna fil-mira tal-ajruport. Fil-fatt, dan l-iżvilupp jirriżulta mill-isforzi reċenti tat-tim tal-iżvilupp tat-traffiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-entitajijiet governattivi rilevanti sabiex tiġi stabbilita konnessjoni bejn Malta u din id-destinazzjoni.

Jidher li l-2018 ser tkun sena impenjattiva anki f’termini ta’ żvilupp infrastrutturali, peress li huwa mistenni li f’din is-sena jingħalaq il-Proġett ta’ Rikonfigurazzjoni tat-Terminal, li permezz tiegħu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ser ikun investa €12-il miljun. Filwaqt li ħafna mill-partijiet tal-ewwel fażi ta’ dan il-proġett diġà tlestew, ix-xogħlijiet issa huma ffukati fuq is-Sala tat-Tluq tal-ajruport, li sas-sajf tal-2018 ser tiġi mgħammra bi tmien check-in desks addizzjonali u sistema ta’ proċessar tal-bagalji ġdida.

Waqt il-konferenza stampa ġie żvelat ukoll li fis-sena li ġejja l-MIA ser tkun qed tinvesti €8.8 miljun oħra f’titjib fit-terminal u l-mitjar, fuq l-operat tal-ajruport u s-sigurtà u f’villaġġ tal-merkanzija ġdid.

Wara l-konferenza annwali, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ospita ċerimonja qasira, preseduta mill-Ministru tat-Turiżmu Dr Konrad Mizzi, bħala ċelebrazzjoni tar-rekord milħuq fl-aħħar jum tal-2017 bil-wasla tas-sitt miljun passiġġier għas-sena. Il-Ministru Mizzi qal, “Dawn ir-riżultati eċċellenti jirriflettu l-ħidma li qed issir mill-MIA, il-gvern u l-operaturi pivati għall-promozzjoni ta’ Malta u l-iżvilupp tal-konnettività tagħna. "Ninsabu ħerqanin li fl-2018 naħdmu ma’ diversi linji tal-ajru bil-għan li nkomplu nintroduċu titjiriet lejn destinazzjonijiet ġodda u ntejbu l-konnettività fir-rigward ta’ rotot eżistenti.”

Min-naħa tiegħu, is-CEO tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta Paul Bugeja esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-MIA rnexxielha tilħaq rekord ġdid fl-2017 biex b’hekk sebqet is-suċċessi tal-2016, filwaqt li nnota li l-kollaborazzjoni mill-qrib li teżisti bejn l-MIA u l-MTA dejjem wasslet għal riżultati tajbin. Is-Sur Bugeja qal ukoll li l-konnettività tajba tul is-sena kollha u l-għażla usa’ ta’ rotot kienu fatturi kruċjali fil-kisba ta’ tkabbir sostenibbli u konsisteni tul ix-xhur kollha tas-sena; xi ħaġa li tawgura tajjeb għall-futur tal-industrija tat-turiżmu f’Malta. 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook