L-valur ta’ Bitcoin jaqbeż is-$16,000

Minn $800 għal $16,000 f'sena....

Il-valur tal-Bitcoin qabeż il-limitu ta $16,000 għall-ewwel darba illum, tragward ieħor għad-dinja tal-muniti diġitali. Fil-bidu tas-sena 2017, valur ta’ munita waħda kien dak ta’ $800. F’Settembru li għadda, dan tela’ għal $3,500  fejn kompla tiela’ għall-prezz attwali tal-lum.

Lura għal Awwissu, wara li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA kienet ħarġet stqarrija li fiha elenkat il-perikli ta’ trażazzjonijiet b’muniti diġitali, l-ILLUM kienet intervistat lil Dario Azzopardi Kap Eżekuttiv tal-kumpanija 3Group, li kien sostna li ‘m’hemm ħadd kompetenti biex jitkellem dwar il-kunċett Bitcoin fl-MFSA’.

Madankollu, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri kien sostna mal-ILLUM, l-MFSA, qegħda tistudja l-possibilita li tibda tirregola il-krytpocurrencies bħal Bitcoins.

Mal-ILLUM, Schembri kien saħaq ukoll, fuq l-importanza l-gvern qed jagħti lis-settur tal-Fintech fejn l-għan prinċipali huwa li “Malta tkun l-ewwel pajjiż li jadotta teknoloġija tal-blockchain.”

Intant lura f’Settembru, il-kap ta’ JP Morgan Jamie Dimon qal li Bitcoin hi frodi u bużżieqa li se tisplodi. Skontu  l-munita diġitali kienet biss tajba għall-użu minn negozjanti, qattiela u nies li jgħixu f'postijiet bħall-Korea ta ‘Fuq.

 

 

More in Kronaka