Fl-2016 aktar minn 2,000 anzjan ma setax isaħħan daru stess

Il-faqar f’Malta; għoli fost l-anzjani, baxx fost iż-żgħażagħ... Ħarsa ħafifa lejn l-aħħar rapport dwar il-faqar bħala parti mill-Istrateġija kontra l-faqar

Hekk kif it-temp beda jiċċaqlaq u jidher li se jibda dak xitwi jirriżulta sa dan iż-żmien is-sena l-oħra Malta kellha madwar 2,267 anzjan u anjzana li lanqas biss kellhom biżżejjed flus biex isaħħnu djarhom. Flimkien ma’ dawn 11,535 anzjan ta’ ’l fuq minn 65 sena ma jaffordjawx imorru fuq vaganza, anke jekk f’pajjiżna stess, lil hinn minn darhom. Kważi 2,000 pensjonant ma jifilħux iħallsu biex jieklu ikla laħam, tiġieġ jew ħut tliet darbiet fil-ġimgħa u ftit inqas minn 6,000 pensjonant ma jifilħux iħallsu għal spiża li ma tkunx mistennija.

3,000 anzjan jinsabu f’sitwazzjoni ta’ faqar sever, li għalkemm mhux numru żgħir huwa inqas mit-total fl-UE fejn hemm 5.7% tal-pensjonanti li huma deprivati b’mod sever.

Dan jirriżulta minn rapport ippubbilkat mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali dwar l-Implimentazzjoni u l-Evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-faqar f’pajjiżna. Dan ir-rapport juri illi Malta, ġeneralment u statistikament, qed tikseb riżultati aħjar mill-medja Ewropea, ħlief fil-każ tal-pensjonanti. Fil-fatt dawk il-Maltin ’il fuq minn 65 sena huma l-aktar grupp ta’ persuni li qed jintlaqtu ħażin mill-faqar u l-unika settur tal-popolazzjoni li fih il-faqar u l-esklużjoni soċjali f’pajjiżna huwa ogħla minn dak fl-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt f’Malta n-numru ta’ anzjani li jinsabu f’riskju ta’ faqar u/jew esklużjoni soċjali jitla’ għal 20,000 jew 26% tal-poplazzjoni. Dan meta fl-UE dan it-total kien ilaħħaq it-18%.

Tnaqqis fil-faqar, imma 85,000 għadhom f’riskju

Ir-rapport juri li pajjiżna esperjenza tnaqqis fin-numru ta’ persuni li jgħixu fil-faqar jew f’riskju tiegħu, madanakollu, dan xorta jħalli 85,000 persuna f’riskju ta’ faqar, esklużjoni soċjali jew inkella f’sitwazzjoni ta’ għixien f’residenza fejn l-intensità tax-xogħol hija waħda baxxa.

Ir-rapport juri kif statistikament il-faqar qabad in-niżla mill-2013 bir-rata ta’ 24%, tinżel għal 20% fl-2016. Dan jimmarka tnaqqis ta’ 14,000 persuna f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Madakollu jekk imbagħad wieħed jieħu f’kunsiderazzjoni biss id-dħul skont is-60% tad-dħul medju wieħed isib li dawk f’riskju ta’ faqar fil-fatt żdied minn 65,000 fl-2013 għal 70,000 fl-2016.

B’kollox huma 4.4% tal-popolazzjoni li huma severament deprivati, li hija ħafna inqas mill-medja Ewropea ta’ 7.5%. Minkejja li anke hawnhekk pajjiżna jinsab ħafna aħjar mill-medja Ewropea, xorta jibqa’ l-fatt illi 19,000 persuna f’Malta ma tistax tagħmel jew tixtri numru ta’ prodotti jew servizzi meqjusin bażiċi (ara kaxxa 2).

Malta b’riżultati tajbin rigward il-faqar fost iż-żgħażagħ

Jekk fost l-anzjani l-faqar f’pajiiżna huwa ogħla mill-medja fl-UE mhux l-istess jista’ jingħad għall-faqar fost iż-żgħażagħ. Fil-fatt ir-rata ta’ persuni bejn it-18-il sena u l-24 sena li jinsabu f’riskju ta’ faqar f’pajjiżna huwa biss ftit iktar minn nofs il-medja tal-UE, li hija ta’ 30.5%. Il-faqar f’Malta fost dan is-settur huwa ta’ 17% jew 7,000 persuna. Anke r-rata ta’ żgħażagħ li la huma f’impjieg, la f’edukazzjoni u lanqas f’taħriġ f’Malta hija waħda pjuttost baxxa meta kkumparata mal-UE. Fil-fatt huma 8.4% taż-żgħażagħ Maltin li jaqgħu f’din il-kategorija, meta l-medja fl-UE hija ta’ 15.2%, jew kważi d-doppju.

Intant 18,000 tifel u tifla jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, li għalkemm hija ċifra inkwetanti xorta tindika tnaqqis ta’ 6,000 mill-2013.

 Il-miżuri tal-aħħar baġit għall-anzjani

  • Żieda ta’ €2 fil-pensjoni għal kull pensjonant
  • Jogħla d-dħul minn pensjonijiet mhux intaxxat għal €13,200
  • Żieda ta’ €200 fil-pensjoni tas-servizz
  • Għotja ta’ €300 għal dawk ta’ 75 sena u aktar
  • Ħlasijiet lil dawk li batew minn anomaliji fil-pensjonijiet

Dawk li huma severament deprivati, ma jifilħux...

  • Iħallsu għal spejjeż mhux mistennija
  • Jieħdu vaganza lil hinn minn darhom għal ġimgħa f’sena
  • Iħallsu l-kontijiet bażiċi kollha, inkluż kera jew self fuq post
  • Jieklu ikla laħam, tiġieġ jew ħut darbtjen jew tlieta fil-ġimgħa
  • Iżommu d-dar sħuna fix-xitwa
  • Jixtru magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ
  • Jixtru TV tal-kulur
  • Jixtru telefon
  • Jixtru karozza personali

 

More in Kronaka