Ħaddiema b’diżabilità jinżammu moħbija fuq il-post tax-xogħol

•     Fl-Ewropa hawn 80 miljun b’diżabilità li minnhom 46 miljun huma nisa

•     L-UE b’rapport għal strateġija Ewropea fuq id-Diżabilità

Fl-Ewropa għad fadal ammont kbir ta’ każijiet fejn persuni b’diżabilità qed jinżammu jaħdmu moħbija fi mħażen jew inkella fi kmamar żgħar u jispiċċaw jgħaddu minn abbużi kbar fosthom l-emarġinazzjoni u ma jiġux rikonoxxuti uffiċjalment bħala ħaddiema. Dan qed iwassal biex persuni b’diżabilità ma jitħallsux paga ġusta għax-xogħol li jagħmlu u lanqas ma jgawdu mill-benefiċċji l-oħra kif stipolati fil-liġijiet jew bi ftehimiet kollettivi oħra. Dan il-ksur tad-drittijiet joħroġ mir-rapport tal-MEP Helga Stevens dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea fuq id-Diżabilità. Dan ir-rapport ġie diskuss waqt l-aħħar sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew.

Hekk kif illum jimmarka wkoll il-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabilità tan-Nazzjonijiet Magħquda, it-tema hija t-Trasformazzjoni tas-Soċjetà li tkun Reżiljenti u Sostenibbli għal Kulħadd, l-Ewropa wkoll qed tħares ’il quddiem biex issaħħaħ l-involviment ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà u dan biex tonqos id-diskriminazzjoni li sfortunatament għandhom jgħaddu minnha u titneħħa darba għal dejjem l-inugwaljanza. Dan għax il-persuni b’diżabilità għandhom drittijiet ugwali bħaċ-ċittadini l-oħra fl-aspetti kollha tas-soċjetà.

Fl-Ewropa hawn 80 miljun persuna li għandhom bżonnijiet speċjali, li minnhom 46 miljun huma nisa. Minnhom 4 miljun persuna b’diżabilità m’għandhomx dar jew post fejn jgħixu. 34% tan-nisa b’diżabilità għaddew minn xi forma ta’ vjolenza domestika, l-aktar ikun l-abbuż sesswali minn persuni qrib tagħhom jew li kellhom ir-responsabbilità li jieħdu ħsiebhom.

22% inqas aċċessibilità għax-xogħol

Il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, fosthom Malta, jagħrfu li persuni bi bżonnijiet speċjali jaffaċċjaw ħafna spejjeż addizjonali, dħul aktar baxxi minn ħaddiema oħra u diffikultajiet ferm akbar biex isibu impjieg. Filfatt mill-istatistika tal-Eurostat jirriżulta li hemm rata ta’ 58.5% ta’ aċċessibilità għax-xogħol fost persuni bi bżonnijiet speċjali u dan meta mqabbel mat-80.5% tal-persuni l-oħra mingħajr diżabilità. L-istatistika Ewropea turi wkoll li hawn 75% tal-persuni b’diżabilità severa ma jingħatawx l-opportunitajiet li jkollhom impjieg sabiex isostnu lilhom infushom.

Il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea ffirmaw it-trattat internazzjonali tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (UNCRPD), filwaqt li l-pajjiżi kollha barra wieħed irratifikawh. Dan it-trattat jorbot lill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea skont il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Għaldaqstant rapport tal-Kummissjoni Ewropea juri li fadal ħafna xi jsir fl-implimentazzjoni sħiħa ta’ dan it-trattat. Malta flimkien u l-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea jinsabu impenjati li jimplimentaw l-Aġenda 2030 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Ta’ min jirrimarka kif l-Artkli 21 u 26 taċ-‘charter’ tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fuq persuni bi bżonnijiet speċjali fuq bażi tad-diżabilità li jkollhom u jippromwovu l-parteċipazzjoni ugwali taċ-ċittadini fis-soċjetà. Matul dawn l-aħħar snien tressqu wkoll ammont kbir ta’ petizzjonijiet onlajn miċ-ċittadini Ewropej, biex il-persuni bi bżonnijiet speċjali jkunu jistgħu jmorru f’postijiet pubbliċi u binijiet oħra bl-istess faċilità bħalma jmorru persuni mingħajr diżabilità.

Aċċenn fuq il-mard mentali bħala tip ta’ diżabilità

Filfatt, fir-rapport ta’ Stevens, l-MEPs qed jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi liġijiet dwar l-aċċessibilità ta’ postijiet pubbliċi għal persuni b’diżabilità u din tinkorpora wkoll l-istandards tal-bini. Ir-rapport iħares lejn id-direzzjoni li trid tmur l-Ewropa fil-politika tagħha għall-persuni bi bżonnijiet speċjali. Dan jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tintervjeni u tressaq liġijiet ġodda Ewropej li jiffaċilitaw l-aċċessibilità u l-ugwaljanza lill-persuni b’diżabilità. Tressqu wkoll numru ta’ proposti u emendi għar-rapport f’dan ir-rigward. Dawn jinkludu użu ta’ prattiċi ġodda għal ħajja aktar indipendenti għall-persuni b’diżabilità fl-Ewropa. L-Ewroparlamentari iżda jinsabu mħassba li d-diżabilità titqies biss bħala dik fiżika meta hemm diżabilitajiet oħra bħalma huma kundizzjonijiet li mhux neċessarjament ikunu mediċi, dwar l-ambjent tal-madwar u l-esklużjoni mill-komunità. Għalhekk ukoll iridu aktar servizzi ġodda u innovattivi għas-saħħa mentali ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali.

L-MEPs iridu li l-benefiċċji soċjali jitqiesu bħala għajnuna statali mmirati li jgħinu lil persuni b’diżabilità biex jegħlbu l-barrieri fis-soċjetà u kull forma ta’ diskriminazzjoni possibbli filwaqt li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni fis-soċjetà. Jitolbu għal aktar fondi disponibbli speċjalment aktar aċċess għall-fondi Ewropej. Aktar investiment mill-pajjiżi membri għall-aċċessibbiltà fiżika imma wkoll diġitali, bl-iżvilupp tal-ICT.

Ir-rapport jitkellem ukoll fuq tħassib dwar il-barrieri biex jipparteċipaw fis-soċjetà, li qed jaffaċċjaw persuni b’diżabilità li għandhom ‘guardianship’ jew li jgħixu f’istituzzjonijiet. Għalhekk jappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tara li persuni li tneħħitilhom il-kapaċità legali jkunu jistgħu jsaħħu d-drittijiet tagħhom kif maqbula fit-trattati Ewropej. Il-Kummissjoni qed tintalab taddotta liġijiet obbligatorji fil-pajjiżi kollha membri li jirregolaw is-suċċessjoni fil-każ ta’ persuni li kienu qed jieħdu ħsieb li kienu responsabbli minn persuni b’diżabilità.

Proposti l-kwoti, kif diġa għandna f’Malta

Fost il-miżuri għax-xogħol proposti hemm li tidħol fis-seħħ kwota minima nazzjonali, fil-pajjiżi fejn m’hemmx diġà. Malta fil-fatt għandha kwota li piet infurzata fl-aħħar leġiżlatura, ta’ 2% tal-impjegati li jridu jkunu persuni b’diżabilità. Din il-miżura kienet introdotta fil-Baġit għall-2015.

Fil-qasam tas-saħħa qed jipproponu inqas żmien ta’ stennija għall-kura medika primarja, klinika jew kirurġika. Is-sistema tas-saħħa għandha tara, tanalizza u tirrapporta każijiet ta’ abbuż fiżiku jew sesswali fuq persuni b’diżabilità. Awtoritajiet nazzjonali dwar l-ugwaljanza għandhom ikollhom mandat biex jipproponu liġijiet ġodda għall-persuni bi bżonnijiet speċjali wkoll. 

More in Kronaka