Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Kisser flixkun tal-ħġieġ biex jaggredixxi lil raġel ieħor fuq 'bus stop'

Raġel mis-Somalja jinżamm taħt arrest...qiegħed Malta illegalment wara li lanqas biss ġedded il-permessi meħtieġa

Albert Gauci Cunningham / 6 ta' Diċembru 2017 14:57
Ġlieda bi fliexken tħalli żewġt'irġiel l-Isptar u wieħed, arrestat
Raġel mis-Somalja, imma li jgħix fiċ-ċentru miftuħ ta' Ħal Far, spiċċa fl-inkwiet u arrestat wara ġlieda li kellu ma' persuna oħra barranija fuq bus stop nhar is-Sibt li għadda, kmieni filgħodu. 

Ir-raġel, deher il-Qorti illum, b'idejh infaxxati. Xhieda qalu lill-Pulizija li ż-żewġt'irġiel kienu jinsabu fuq bus stop kmieni s-Sibt filgħodu meta inqalgħet ġlieda bejn Mohammed Hasan Abdullahi ta 23 sena u persuna oħra li kienet qiegħda tistenna tallinja wkoll. Is-sitwazzjoni ggravat tant li ż-żewġt'irġiel ġew fl-idejn u f'punt minnhom Abdullahi kisser flixkun biex jużah bħala arma.  

Iż-żewġ persuni ddaħħlu l-isptar isofru minn ġrieħi serji. 

Abdullahi ħareġ mill-Isptar u għalhekk tressaq il-Qorti llum filwaqt li l-persuna l-oħra għadha l-isptar u għalhekk għadha ma tressqitx quddiem il-Qorti. 

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Leontine Calleja talbet għall-libertà proviżorja, iżda l-Qorti ddeċidiet kontra. Kien l-Ispettur Matthew Spagnol li oġġezzjona għat-talba ta' Calleja billi fakkar fil-gravità tal-attakk u l-fatt li l-akkużat kien jaf fejn jgħix il-vittma. 

Minkejja dan, Calleja fakkret li Abdullahi għadu preżunt innoċenti u daqs kemm huwa agressur huwa wkoll vittma, f'dan l-attakk. 

Apparti li għandu rekord kriminali Abdullahi qiegħed Malta illegalment, hekk kif ma ġeddidx il-permess tar-residenza tiegħu, semgħat il-Qorti. 

 

 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook