Aġġornata bil-Filmat | Akkużat li stupra lil martu waqt li żammha f'post mudlam bil-ġuħ

Roddy Swinton Williams jitressaq il-Qorti wara li martu tinstab kważi mejta f'mina mudlama fil-Kalkara

L-akkużat ħiereġ mill-Qorti | Ritratt James Bianchi
L-akkużat ħiereġ mill-Qorti | Ritratt James Bianchi

Roddy Swinton Williams ta' 37 sena u li twieled is-Seychelles illum ittella quddiem il-Maġistrat Donatella Fenech Dimech fuq diversi akkużi. Fosthom hu qed jiġi akkużat illi bejn is-27 u t-30 ta' Ottubru żamm lill-martu Natalie Williams f'mina mudlama, magħrufa għall-abbuż rampanti ta' droga li jkun għaddej fiha, fiż-żona ta' Rikażli. 

Williams kien akkużat li żamm lil martu ostaġġ mingħajr ikel u xorb, għal bosta ġranet bl-intenzjoni li joqtolha jew inkella li jipperikolalha ħajjitha. Akkużi oħrajn huma li saħansitra stupra lil martu fl-istess mina. 

Hu kien akkużat illi ffastidja lil martu u ġiegħla tibża minn vjolenza kontriha u kontra l-familja tagħha.

Il-Qorti m'aċċettatx it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi li x-xhieda għad trid tingħata minn naħa tal-persuna inġurjata u fid-dawl tal-gravità tal-offiża. Il-ħelsien mill-arrest ma ġiex milqugħ ukoll fid-dawl tal-fatt illi l-ftehim bejn Malta u s-Seychelles huma limitati u jekk dan jaħrab ikun diffiċli li jerġa jinġieb Malta. 

Williams kien fl-aħbarijiet hekk kif irriżulta li dan ħalla lil martu ostaġġ u eventwalment tefagħha f'mina li fiha hemm kundizzjonijiet koroh ħafna. Bintha qalet lill-midja li ommha kienet ilha tagħmel rapporti ta' theddid fuq ħajjitha, bl-aħħar tnejn ikunu xahar u nofs ilu u ieħor il-ġimgħa l-oħra stess. 

L-akkużat kellu daqqiet f'wiċċu, probabilment riżultat tal-ġlieda kbira li seħħet quddiem id-dar tiegħu mal-qraba tal-vittma, ftit qabel kien irrapuretat li waslu l-Pulizija fuq il-post. 

Il-każ ikompli.

 

More in Kronaka