Alla ma jħallasx bin-nhar ta' Sibt

Ħarsa lejn l-istejjer ta’ serq mill-knejjes f’pajjiżna

Fuq il-gżira żgħira tagħna, xi knisja jew kappella huma karatteristici sinonimi max-xenarju tal-pajjiż, filwaqt li l-bini majestuż u l-koppliet ta’ dawn jiddominaw l-istampa tas-sema tal-pajjiż. Apparti minn dan il-knejjes huma ddekorati mill-isbaħ rikkezzi bħall-arti u oġġetti sagri ta’valur għoli.

B’dan il-fatt, sfortunatament dawn it-tempji sikwit ikunu fiċ-ċentru ta’ attentati ta’ serq, hekk kif is-sigurtà laxka fil-knejjes u l-valur għoli li jġibu magħhom bosta oġġetti li jinstabu ġewwa l-knejjes jagħmluha, serqa attraenti u ideali għall-ħallenin.

Is-sena l-oħra, saru disa’ serqiet minn knejjes, bl-aħħar waħda tkun is-serqa li ħasdet il-Bormliżi fit-22 ta’ Lulju li għadda hekk kif il-ħallelin sgassaw it-tabernaklu u rnexxielhom jisirqu l-pissidi u ċ-ċiborji u xi kalċijiet mis-sagristija. Iżda mhux biss, hekk kif dawn serqu wkoll labra bil-brillantini li titpoġġa mal-Kwadru Titulari fi żmien il-festa, il-valur ta’ din il-labra kien stimat li jlaħħaq mal-€20,000. Fil-ġranet li għaddew żewġ persuni tressqu il-qorti fuq il-każ fejn iktar tard, il-Pulizija  irnexxiela tirkupra  l-oġġetti misruqa. Wara li l-affarijiet irritornaw lura lill-Knisja, l-arċipriet ġie infurmat li fil-fatt il-labra tal-brillantini ma kinetx tiswa iktar minn €100.

Fid-dawl ta’ din is-serqa u tal-flus mill-kaxxi tad-donazzjonijiet mill-Knisja ta' Raħal Ġdid, l-ILLUM tat ħarsa lejn l-istorja ta' wħud mill-aktar serqiet ċelebri minn knejjes f’pajjiżna.

Serqa mill-Knisja taż-Żurrieq fl-1979

Fis-satra tal-lejl fit-2 ta’ Settembru 1979 persuna jew persuni mhux magħrufa, wettqu serqa fil-Knisja titulari ta’ Santa Katarina fiż-Żurrieq. Dan wara li l-istatwa ta’ Santa Katarina kienet iddaħħlet lura fil-Knisja wara l-purċissjoni tradizzjonali madwar ir-raħal. Il-ħallelin serqu bosta affarijiet tad-deheb u tal-fidda bħal ġiżirana u brazzuletta li kienu jitlibbsu lill-istatwa ta’ Santa Katerina. Hekk kif l-ebda bieb ma deher li kien ġie sgassat, kien ġie rrappurtat li l-ħallenin staħbew fil-kantina tal-knisja, wara li din ingħalqet fil-11.30pm.

Serq mill-Knisja tal-Isla fl-1984 u fl-1986

F’Ġunju tal-1984, kienet seħħet serqa ta’ oġġetti tad-deheb u tal-fidda mill-Knisja tal-Vittorja fl-Isla. Investigazzjonijiet preliminari kienu stabbilixew li xi persuna jew persuni mhux magħrufa, irnexxielhom jidħlu fil-knisja billi niżlu b’ħabel mit-tamboċċi tal-oratorju għaż-żona fejn titpoġġa l-istatwa ta’ Ġesù Redentur. Sentejn biss wara, il-Knisja tal-Vittorja reġgħet kienet fil-mira tal-ħallelin hekk kif din id-darba n-niċċa tal-vara tal-Bambina kienet ġiet żgassatta bl-użu ta’ xema kbira. Fost l-oġġetti tad-deheb li nsterqu kien hemm kuruna tad-deheb li kienet titpoġġa fuq il-pedestal tal-istatwa. Iż-żewġ każijiet baqgħu qatt ma ġew solvuti.

Serqa minn Ħaż-Żabbar fl-2009

Fil-21 ta’ Novembru tal-2009, sitt iċrieket, żewġ brazulleti, żewġ ġiżirajjen, par imsielet u flus kontanti ġew misruqa min-niċċa tal-Madonna tal-Grazzja F’Ħaż-Żabbar. Ħadd ma kien induna bis-serqa sakemm waqt il-quddiesa tal-Ħadd, Fr Sebastian Caruana induna li s-serratura tat-tabernaklu kienet ġiet imbagħbsa.

Minn investigazzjonijiet li saru iktar tard mill-pulizija rriżulta li xi ħadd kien ukoll bagħbas is-serratura tan-niċċa tal-Madonna tal-Grazzja, minn fejn insterqu oġġetti ta’ ġojjellerija u flus antiki. Ħabat li l-kappillan kawt u, qabel is-serqa kien żamm nota tan-numru tas-serje tan-noti. Għalhekk meta l-ħalliel ta’ 27 sena mar il-Bank Ċentrali sabiex ibiddel il-flus antiki għall-ewro, il-pulizija minnufih ġiet infurmata u arrestat lill-ħalliel ftit tal-ħin wara.

Serqa minn Marsaxlokk fl-1952

Fl-14 ta’ Jannar 1952, mal-405 pajpijiet ġew żarmati minn orgni antik li kien inxtara mill-Knisja ta’ Marsaxlokk mill-knisja tal-Isla, ġew misruqa. Il-każ baqa’ qatt ma ssolva.

Caravaggio fl-1984

F’lejlet l-ewwel tas-sena tal-1984, il-pittura ta’ San Ġilormu tal-artist famuż, Caravaggio, kienet insterqet mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

L-awtoritajiet kienu donnhom qatgħu qalbhom milli jerġgħu jsibu l-pittura jew in-nies li wettqu dan l-att sakemm, kważi sentejn wara, fl-1986, Fr Marius Zerafa, il-qassis inkarigat mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, irċieva filmat flimkien ma’ ritratt tal-pittura li fih il-ħallelin kienu talbu r-riskatt ta’ miljun lira Maltin għall-pittura. Fr Marius, iddeċieda li ma jinfurmax lill-pulizija minħabba l-biża’ li l-kriminali setgħu jpattuhielu. Huwa beda jirċievi telefonati kważi kuljum mill-kriminali u saħanistra rċieva wkoll biċċiet imqatta’ mill-pittura storika. Il-qassis żamm il-ħallelin f’kuntatt miegħu billi tahom x’jifhmu li hu kien interessat li jixtri l-pittura. Dan wassal biex jiftehmu fuq prezz ta’ kwart ta’ miljun lira Maltin.

Wara xhur jinnegozja mal-ħallelin, it-telefonati ġew traċċati għall-fabbrika żgħira taż-żraben fil-Marsa li kellha wkoll konnessjonijiet mal-mafja Taljana li fiha l-ħallelin kienu qegħdin joperaw.

Bil-pulizija issa konxji ta’ dawn id-dettalji, Fr Marius laħaq ftehim mal-ħallelin biex dan ‘jixtri’ l-pittura. Il-pulizija u l-forzi armati ta’ Malta ċċirkondaw iż-żona bl-użu ta’ kemm forzi fuq l-art u kif ukoll fl-ajru. Żewġ ħallelin ġew arrestati u l-pittura kienet instabet f’sitwazzjoni xejn tajba, biex iktar tard Fr Marius ħadha Ruma fejn ġiet irrestawrata.

Il-ħallelin qatt ma ġew ikkundannati fuq din is-serqa hekk kif kienu fetħu każ kostituzzjonali kontra l-pulizija minħabba, tapping illegali ta’ telefonati. Wieħed mill-ħallelin miet b’ ‘overdose’ filwaqt li l-ieħor laħaq miet matul il-proċess tal-ġuri.

Serqa mill-knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat fl-2012

Fl-14 ta’ Novembru raġel ta’ 43 sena ammetta li fil-qorti li fil-ġurnata ta’ qabel seraq pittura mill-Knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat.

Il-pittura misruqa kienet xogħol Giorgio Hyzler li tmur lura għas-sena 1812. L-akkużat li kien arrestat ftit tas-sigħat wara r-reat, kien stqarr mal-awtoritajiet li huwa qatt ma kellu l-ħsieb li jbigħ il-pittura. Il-Qorti kienet ikkundannatu sentenza ta’ 6 xhur ħabs sospiża għal tliet snin.

Fl-ewwel ta’ April tal-2016 l-istess raġel kien ikkundannat sentenza ta’ seba’ snin ħabs wara li kien reġa’ nstab ħati li seraq numru ta’ oġġett minn diversi knejjes madwar Malta fosthom pittura, din  id-darba pittura ta’ Antonio Falzon tal-Imakkulata Kunċizzjoni li tmur lura għas-sena 1861, mill-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta.

Serqa mill-Knisja ta’ Tas-Sliema fl-1984

Is-17 ta’ Mejju 1984, serqa minn Knisja f’Tas-Sliema xxukjat lis-Slimiżi hekk kif, stallet tal-fidda minn l-istatwa tad-Duluri fl-istess knisja, b’valur ta’ madwar 550 lira Maltin minn ġol-kaxex tad-donazzjonijiet ġew misruqa. L-investigazzjonijiet preliminari stabbilixxew li x’aktarx il-ħallelin staħbew ġewwa l-knisja wara li s-sagristan kien sakkar fit-8.30pm.

Il-kappillan kien induna bis-serqa hekk kif innota waħda mill-kaxex tad-donazzjonijiet f’nofs kurutur malli fetaħ il-knisja. Din is-serqa baqgħet mfakkra għaliex il-ħallelin għamlu l-bżonnijiet tagħhom fuq il-biċċa ta’ wara tal-knisja.

More in Kronaka