Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Żewġ Rumeni arrestati wara li ppruvaw jisirqu kartiera

F’dawn l-aħħar jiem, ir-Rumeni kienu sorveljati mill-Pulizija.

Jesmar Baldacchino / 23 ta' Settembru 2017 15:37
Ritratt | Arkivji
Il-Pulizija arrestaw żewġ Rumeni ta’ 35 u 41 sena wara li nqabdu fil-fatt jisirqu kartiera ta’ turist li kien tiela’ fuq tal-linja. Ir-Rumeni daħlu fost grupp ta’ Maltin u barranin li kienu qed jistennew il-karozza tal-linja fuq stejġ fi Triq it-Torri f’Tas-Sliema.

Il-Pulizija wettqu l-arrest tar-Rumeni wara investigazzjoni li saret fuq numru ta’ rapporti li persuni kienu qed jisirqu mill-inħawi ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema.

F’dawn l-aħħar jiem, ir-Rumeni kienu sorveljati mill-Pulizija. Ir-Rumen ta’ 35 sena huwa mifhum li hu reċediv fuq l-istess reati, li seraq kartieri fil-Ġermanja, l-Olanda u fl-Iżvizzera nħariġlu wkoll mandat tal-arrest. Ir-Rumen l-ieħor ta’ 41 sena hu magħruf mal-Pulizija fir-Repubblika Ċeka u jinsab akkużat li kellu dokumenti foloz.

Ir-Rumeni se jitressqu l-Qorti għada.

Dan kien it-tieni każ ta’ arrest li sar fl-istess ġimgħa, hekk kif it-Tlieta li għadda ġew arrestati żewġ Rumeni oħra li qajmu s-suspett tal-Pulizija.Wieħed minnhom kellu mowbajl li kien insteraq aktar kmieni f’Settembru.

Dan ir-Rumen li għandu 47 sena diġá tressaq il-Qorti l-Ħamis u kien akkużat b’serq u li sar reċediv b’sentenzi għall-istess reati minn Qrati barranin fosthom Franza, l-Olanda u r-Rumanija.

Huwa ammetta l-akkużi mressqa kontrih u ngħata s-sentenza ta’ 7 xhur priġunerija. Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzonijiet.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook