Qassis ħati li mess tifla b’mod indiċenti

Qassis Għawdxi ta’ 45 sena mix-Xagħra kien ikkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li mess b’mod indiċenti tifla ta’ 13-il sena

Qassis Għawdxi ta’ 45 sena mix-Xagħra kien ikkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li mess b’mod indiċenti tifla ta’ 13-il sena.

Fl-istess waqt huwa ma nstabx ħati li kellu x’jaqsam sesswalment magħha u ma’ żewt tfajliet oħra minorenni, li ikkorrompihom u li għamel użu ħażin minn mezzi ta’ komunikazzjoni.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga lil Fr Jesmond Gauci wara ittra li ntbagħtitilha mill-Isqof t’Għawdex Mario Grech fejn dan infurmaha li sar jaf b’allegat każ ta’ abbuż sesswali fuq minuri.

L-Ispettur Sylvana Briffa, illum Gafa, mill-Iskwadra Kontra l-Vizzji, bdiet tinvestiga l-każ u ressqet lill-qassis fil-Qorti tal-Maġistrati.

Hija akkużatu li f’Mejju 2014 kellu x’jaqsam sesswalment mat-tliet tfajliet, li ikkorrompihom, li għamel attentat fuq il-pudur tagħhom, li ta fastidju lil waħda minnhom u li għamel użu ħażin minn mezz ta’ komunikazzjoni.

Il-każ instema quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri fejn fost oħrajn xehdu l-qassis u t-tliet tfajliet kif ukoll familjari tagħhom u ‘social workers’.

Waħda mit-tfajliet allegat li waqt li kienu fuq id-dgħajsa ta’ missierha l-qassis messilha sidirha minn fuq il-flokk u mbagħad il-parti privata minn fuq il-malja.

Hija allegat ukoll li f’każ ieħor, waqt li kienu għal Bar-B-Q, il-qassis ġie minn warajha, għannaqha u messilha sidirha.

It-tieni tfajla allegat li meta kienet tmur għal-lezzjoni tal-privat għandu kien jiġbdilha xagħrha u meta darba marret tqerr għandu fil-kappella ta’ Santa Marta ġibidha mill-flokk u ippruva jbusha.

It-tielet tfajla qalet li Fr Gauci għafasha minn wara minn taħt sidirha u qalilha l-kliem “cosy, cosy”.

L-aħħar żewġ tfajliet sostnew ukoll li huwa kien jibgħatilhom messaġġi kemm fuq it-telefon ċellulari kif ukoll fuq il-Facebook.

Min-naħa tiegħu, Fr Gauci ċaħad l-allegazzjoni li kellu x’jaqsam magħhom għalkemm ammetta li għannaq waħda mit-tfajliet u qal li meta bagħtilha messaġġi bil-kliem “sweety pie” u “honey bunch” għamel hekk għax jikkunsidra dan bħala diskors bejn il-ħbieb.

Wara li sema l-provi, il-Maġistrat Camilleri irrimarka li kif jiġri f’każijiet bħal dawn huma kien iffaċċjat minn verżjoni kontra oħra.

Huwa iddeskriva lill-qassis bħala persuna intelliġenti ħafna, dħuli, li jħobb juri l-emozzjonijiet tiegħu bit-tgħanniq, ‘bubbly’ u li meta jibda jitkellem diffiċli twaqqfu.

Fl-istess waqt huwa qal li f’waqtiet tax-xiehda tiegħu l-qassis kien evażiv meta kien mistoqsi dwar dak li qalu li għamel tnejn mit-tfajliet u sostna li ma kienx kredibbli meta l-ewwel ma qalx li qagħad jisma l-mużika mat-tfajla fuq id-dgħajsa imma sellmilha biss mbagħad meta ikkonfrontat b’dan qal li l-fatt li sema l-mużika kienet parti mit-tislima.

Il-Maġistrat Camilleri rrefera għall-ammissjoni tal-qassis li dawwar idejh magħha, li qalilha ‘cosy cosy’ u hi qaltlu biex iħalliha.

Fl-istess waqt huwa qal li mill-provi mkien ma rriżulta li ipparteċipa f’attivitajiet sesswali mat-tliet tfajliet, li ikkorrompihom, li offenda l-pudur ta’ tnejn mit-tfajliet, li ta fastidju lil waħda minnhom u li għamel użu ħażin minn mezzi elettroniċi.

Kien għalhekk li waqt li sabu ħati biss li ikkommetta attentat vjolenti fuq il-pudur ta’ waħda mit-tfajliet huwa ikkundannah sena ħabs li jidħlu fis-seħħ biss jekk jikkommetti reat ieħor fit-tlitt snin li ġejjin.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Sylvana Gafa u Joseph Busuttil waqt li l-qassis kellu jiddefendih lill-Avukat Joseph Giglio.

More in Kronaka