Baħri jitlef ħajtu fil-Port Ħieles

Il-Filippin kien qed jagħmel xi xogħlijiet fuq vapur meta waqa' erba' sulari

Raġel ta' nazzjonalità Filippina ta' 57 sena tilef ħajtu kmieni dalgħodu meta waqa' madwar erba' sulari waqt li kien qed jagħmel xi xogħlijiet fuq vapur fil-Port Ħieles f'Birżebbuġa.

L-inċident seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-4:50, meta l-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident fuq vapur ħdejn il-Port Ħieles, Birżebbuġa.

Minn stħarriġ preliminari illi sar mill-Pulizija tad-Distrett, irriżulta li Filippin ta’ 57 sena għal xi raġuni waqa’ għoli ta’ madwar erba’ sulari waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħolijiet fuq vapur.

Fuq il-post issejħet ambulanza sabiex tassisti lill-baħri iżda sfortunatament huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr G Mercieca LLD. li ordna li ssir Inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka