Raġel iweġġa' gravi wara argument fi blokka appartamenti f'San Pawl il-Baħar

Fuq il-post tal-argument bejn tlieta min-nies, instab ukoll tornavit

Raġel ta' 46 mill-Għargħur sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f'argument fil-komun ta' blokka ta' appartamenti f'San Pawl il-Baħar, fejn iktar tard instab ukoll tornavit.

Il-każ seħħ dal-lejl, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu meta l-Pulizija kienu nfurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar.

Il-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra marru fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li raġel ta’ 46 sena, residenti l-Għargħur kien sofra xi ġrieħi meta allegatament kien involut f’argument ġewwa l-komun ta’ blokka appartamenti.

Fl-argument kienu allegatament involuti ukoll Ingliż ta’ 50 sena, residenti San Pawl il-Baħar u ġuvni ta’ 19-il sena, residenti l-Għargħur.

Ir-raġel ta’ 46 sena, ittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura, fejn iżjed tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li l-Ingliż ittieħed għall-kura ġewwa Ċentru tas-Saħħa.

Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, filwaqt li minn fuq il-post ġie elevat turnavit.

More in Kronaka