Tinbidel il-liġi tal-inċidenti li bagħtet għalliema l-ħabs għal ħames snin

Titneħħa s-sentenza minima ta' 5 snin u titħalla għad-diskrezzjoni tal-maġistrat

Tneħħiet mil-liġi l-piena minima ta' ħames snin għal inċidenti tat-traffiku fatali li jinvolvu iktar minn vittma waħda. Il-kumitat Parlamentari għall-Kunsiderazzjoni tal-Liġijiet, ilbieraħ approva emenda fil-liġi tar-reġolazzjoni tat-traffiku, wara li għalliema ta' 34 sena kienet ingħatat sentenza ta; ħames snin ħabs wara inċident tat-traffiku.

Camilleri ġiet akkużata bi qtil involontarju ta' Alfred Zahra f'inċident tat-traffiku lura fl-2011 u talli weġġgħet gravi lil oħtu, u ngħatat sentenza ta' ħames snin ħabs, liema sentenza hi appellat. Dan il-każ wassal għal intervent mill-pubbliku hekk kif kienu iktar minn 27,000 persuna li ffirmaw petizzjoni ppreżentata lill-Ispeaker, sabiex tinbidel tali liġi.

Bosta insistew li l-inċident bl-ebda mod ma kien tort ta' Camilleri, u l-qorti, minħabba l-liġi kif kienet, ma kellha l-ebda għażla għajr li tagħti s-sentenza tagħha.

Minħabba f'hekk, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici ressaq emenda fil-liġi li tneħħi s-sentenza minima ta' 5 snin, u tħalli s-sentenza f'idejn il-Maġistrat, u b'hekk ikollhom iċ-ċans li f'xi każi, s-sentenza li jagħtu tkun inqas minn ħames snin, kif kienet is-sentenza minima.

More in Kronaka