$50,000 misjuba mid-dwana f'pakkett miċ-Ċina

Ħames mazzi ta' flus kontanti nstabu f'pakkett miċ-Ċina immarkat bħala oġġetti għad-dar u l-ġnien

Uffiċjali tad-Dwana fl-Uffiċċju tal-Posta għamlu sejba ta' pakkett mimli bi flus kontanti.

L-uffiċjali kienu qed jivverifikaw il-kontenut ta' pakketti ġejjin miċ-Ċina, meta wieħed partikolari li kien dikjarat li kellu fih oġġetti għad-dar u l-ġonna, qajjem suspetti minħabba l-forma tiegħu.

Dan il-pakkett tpoġġa apparti sabiex isirulu iktar spezzjonijiet, u hemmhekk sarlu screening permezz tal-magna tal-x-ray li wriet li kien hemm riskju għoli minħabba abnormalitajiet li dehru, u għaldaqstant, l-uffiċjali ddeċidew li janalizzaw fiżikament l-oġġett.

Meta nfetaħ il-pakkett, instabu ħames mazzi ta' flus kontanti f'karti tal-$100, b'kull mazz ikun fih,10,000, b'total ta' $50,000.

Id-Dipartiment tad-Dwana għadda dawn il-flus lis-Sezzjoni tar-Reati Ekonomiċi tal-Pulizija għal iktar investigazzjoni, fejn kellu jiġi stabbilit jekk il-flus kinux vera jew foloz.

Il-persuna li kienet mistennija tirċievi dan il-pakkett, inżammet sabiex tgħin lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet.

More in Kronaka