X’kien l-inkwiet li kellu Fr Hilary mal-Ministru Lorry Sant?

Ktieb ġdid dwar Fr Hilary


X’kien l-inkwiet li kellu Fr Hilary mal-Ministru Lorry Sant? U kif jidħol il-Prim Ministru Duminku Mintoff fl-istorja? U l-Arċisqof Gonzi ġieli ġibdilu widnejh lil Fr Hilary minħabba l-futbol? U min kienet dik it-tfajla li darba Fr Hilary rikkeb fuq il-lambretta?

Dan u iktar tistgħu taqrawh fir-raba’ volum ta’ Bejn Storja u Miti. Patri Hilary Tagliaferro: Bejn Storja u Miti jistħarreġ il-bijografija ta’ Patri Hilary Tagliaferro: patri Agostinjan li dejjem ħaddan politika li terfa’ lill-batut mill-ħama. Warrab it-tonka u l-glorji ta’ Ommu l-Knisja u uża l-isports biex iwassal il-Kelma li tifdi.

L-awturi li qed jiktbu dwar Fr Hilary f’din il-ġabra huma George Abela, Karmenu Baldacchino, Lino Bugeja, Charles Buttigieg, Peter Calamatta, Henry Calleja, Charles Camenzuli, David Carabott, Joe Cassar, Joe Cassar, Noel D’Anastas, Patri Ray Francalanza, Monsinjur Lawrence Gatt, John C. U Anne Grech, Sergio Grech, Dr Simon Mercieca, Charles Miceli, Ronnie Micallef, Manwel Scerri u Piju Spiteri.

Fost l-oħrajn l-awturi jiktbu dwar kif fil-qalba tal-ġlieda-politiko reliġjuża tas-sittinijiet u fi żmien meta tikbes il-ġamra tal-Konċilju Vatikan it-Tieni, Fr Hilary ġabar iż-żgħażagħ li emmnu f’ideoloġija partikulari taħt saqaf wieħed meta ħaddieħor tahom il-ġenb. Ħareġ bil-proġett tal-Millenium Chapel, f’arena ta’ divertiment, fejn fetaħ beraħ il-bibien għal min ħajtu ma baqax is-sid tagħha. Fr Hilary daħħal ukoll idjoma sportiva fl-ilsien tagħna bil-mijiet ta’ kummentarji sportivi, minn barra u lokali, u min jaf kemm –il dehriet kellu fuq it-televiżjoni waqt programmi sportivi.

Pubblikazzjoni oħra ta’ Horizons Malta u editjata minn Sergio Grech. Il-volum fih ukoll għadd ġmielu ta’ ritratt li jiċċelebraw it-83 sena attivi ta’ Fr Hilary. Fil-volum l-oħrajn ġew mistħarrġa Duminku Mintoff, Monsinjur Victor Grech u l-Avukat Herbert Ganado.

Għall-bejgħ mill-ħwienet u libreriji ewlenin. Iktar informazzjoni minn 21441604 jew [email protected]<mailto:[email protected]>.

More in Kronaka