Pulizija jisparaw tiri lejn żewġt irġiel li kienu qed jisirqu minn karozza

Il-Pulizija arrestat raġel ta' 43 sena fl-inħawi tal-inċident

.
.

Pulizija tar-Rapid Intervention Unit kienu sfurzati jisparaw tiri lejn żewġt irġiel li kienu qed jisirqu minn karozza f'Birkirkara matul il-lejl li għadda.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1:00, meta l-Pulizija irċeviet rapport li nstemgħu xi tiri ta’ arma tan-nar fl-inħawi f’tal-Infetti, Birkirkara. Pulizija mir-Rapid Intervention Unit u d-Distrett irrikorrew minnufieħ fuq l-post.

Fuq il-post ġew innutati żewġ irġiel, li mal-wasla tal-Pulizija staħbew wara vettura u meta l-Pulizija resqu vicin ta’ din il-vettura, persuna minnhom dehret toħroġ idejha u tipponta oġġett fid-direzzjoni tal-Pulizija.

F’dak il-mument, il-Pulizija sparat tir u dawn il-persuni minnufih ħarbu minn fuq l-post u bdew tfittxijiet mill-Pulizija sabiex dawn jinstabu.

Waqt li l-Pulizija kienet qed tagħmel l-investigazzjonijiet fuq l-post seta jiġi nnutat li vettura tal-għamla Ford li s-suspettati kienu qed jistaħbew warajha, kellha quarter window imkissra u ħsarat ħdejn in-naħa ta’ l-isteering u sinjali ta’ sgass li jindika li x’aktarx kienet ser tiġi misruqa.

Għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu, l-Pulizija arrestat raġel ta’ 43 sena li nstab fl-inħawi tal-inċident.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr C Farrugia Frendo LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-Inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka