40 karozza ġdida għall-Pulizija b'investiment ta' €400,000

Ir-Rapid Intervention Unit bi 23 karozza ġdida għal sorveljanza madwar il-pajjiż

40 karrozza ġdida għall-Korp tal-Pulizija
40 karrozza ġdida għall-Korp tal-Pulizija

Ir-Rapid Intervention Unit tal-Pulizija ssaħħet bi 23 karozza ġdida għal iżjed sorveljanza fil-komunitajiet. L-investiment ta’ €230,000 jifforma parti minn investiment totali ta’ €400,000 li fl-aħħar sena ra lill-Korp tal-Pulizija jiżdied b’total ta’ 40 karozza biex b’hekk issaħħet il-kapaċità kemm tal-iskwadra tal-RIU u anke dik tad-distretti, hekk kif is-sbatax-il karozza l-oħra tqassmet fid-distretti f’Malta u f’Għawdex.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar attendew għat-tberik tal-vetturi li nxtraw minn fondi nazzjonali wara li ġew utilizzati fiċ-CHOGM u fil-Valletta Summit, fil-bażi tal-RIU f’Ta’ Kandja. Il-Ministru Abela qal li dan hu l-akbar numru ta’ karozzi li nxtraw f’daqqa għall-użu tal-pulizija fl-aħħar żmien, u li fl-aħħar xhur saret ħidma biex jinxtara iżjed apparat meħtieġ għalihom għas-somma ta’ aktar minn €69,000.

Il-Ministru Abela spjega li l-mira ewlenija hi ta’ aktar rondi fil-komunità għal iżjed prevenzjoni ta’ reati u ta’ aktar sigurtà fit-toroq. Żied jgħid li l-messaġġ li jrid iwassal hu wieħed ċar - li jrid jara iżjed pulizija fit-toroq u inqas pulizija wara l-iskrivaniji, jew fuq xogħol li mhux direttament marbut ma’ xogħolhom. 

Il-Ministru qal ukoll li matul l-2016 l-RIU rnexxielha tarresta 472 persuna, 20 minnhom identifikati bħala wanted fuq in-National Police System. 247 mill-arresti kienu dwar involviment fejn jidħol ġlied, 101 persuna kienu detenuti b’konnessjoni dwar involviment f’każi dwar droga, u 54 minn dawn l-arresti kienu kklassifikati bħala każi ta’ serq.

Tkellem ukoll dwar ħidma oħra tal-membri tar-Rapid Intervention Unit, dik li matul l-2016 intervjenew f’madwar 18,150 każ jew sejħa ta’ assistenza. L-aktar li jispikkaw huma n-numru ta’ vetturi u ta’ persuni mwaqqfa u mfittxija waqt roadblocks, hekk kif l-istatistika turi li fl-istess sena  twaqqfu 10,689 vettura u ġew imfittxija 754 persuna mill-RIU.

Statistika oħra turi li waqt patrol ta’ rutina fl-2016, membri tal-RIU rnexxielhom jintraċċaw erbatax-il karozza misruqa u 27 karozza oħra kklassifikata bħala wanted. Dan filwaqt li l-iskwadra tal-RIU ssejħet 606 darba dwar każi ta’ ġlied jew ta’ argumenti, bi 22 każ ikun dwar stabbings.

Il-Ministru Abela żied li apparti d-doveri tal-RIU, fosthom li toffri assistenza lid-distretti u lis-sezzjonijiet tal-Pulizija bl-aktar mod immedjat, taqdi wkoll funzjonijiet fil-qasam tal-Protezzjoni tal-VIPs u escort duties. Il-Ministru tkellem dwar l-irwol vitali li qed tilgħab l-RIU fil-laqgħat li qed isiru matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’Malta, billi tipprovdi protezzjoni lill-VIPs.

Il-Ministru Abela temm billi insista dwar l-importanza li matul din is-sena l-iskwadra tal-RIU tkompli tingħata taħriġ għall-iżvilupp tal-ħiliet, anke permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati, biex hekk tkompli tqawwi l-ġlieda tagħha kontra l-kriminalità. 

More in Kronaka