Raġel u mara midruba f’żewġ inċidenti tat-traffiku separati

Inċident tat-traffiku f’San Ġiljan u ieħor f’Ħal Qormi, ħallew tnejn minn nies imweġġa’ gravi

L-ewwel inċident tat-traffiku seħħ dalgħodu għall-ħabta tad-09:30, fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan, fejn raġel Taljan ta’ 30 sena u residenti Għajnsielem, intlaqat minn karozza tat-tip Toyota Townace li kienet qed tinstaq fid-direzzjoni lejn Tas-Sliema.

It-Toyota kienet misjuqa minn raġel ta’ 24 sena minn Ħaż-Żebbug

Il-Pulizija tad-Distrett marret immedjatament fuq il-post, flimkien ma’ ambulanza li ħadet lill-vittma l-isptar Mater Dei, fejn aktar tard huwa ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.

Ftit wara dan l-inċident f’San Ġiljan, għall-ħabta tad-09:35hrs kien hemm inċident ieħor fi Triq Tal-Ħlas, Ħal Qormi, li fih mara ta’ 73 sena, minn Ħal Qormi stess, intlaqtet minn Toyota Corolla li kienet qegħda tinstaq minn mara ta’ 56 sena minn Tas-Sliema.

Il-Pulizija mill-għassa ta’ Ħal Qormi marret minnufih fuq il-post flimkien ma’ ambulanza li ħadet lill-mara ta’ 73 sena l-Isptar Mater Dei għall-kura.  Iktar tard, hija wkoll ġiet iċċertifikata li qegħda ssofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dawn iż-żewġ inċidenti għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka