Id-Drama jkaxkar kollox fl-istħarriġ...

'Strada Stretta' l-programm favorit fuq it-televiżjoni Maltija, segwit minn 'Ħbieb u Għedewwa' u 'Tereza'...

Id-drama "Strada Stretta" jikklassifika bħala il-programm l-aktar favorit u l-aktar segwit fuq it-televiżjoni Maltija, b'14.29% tan-nies mistoqsija fl-istħarriġ jippreferuh fuq kull programm ieħor mill-istazzjonijiet Maltin kollha. Warajh klassifikaw żewġ produzzjonijiet ta' Drama oħra, "Ħbieb u Għedewwa", b'11.84%  u "Tereża" b'9.77% bħala l-aktar favoriti.

Nhar ta' Tnejn bejn it-20:30 u d-21:30, meta jintwera "Strada Stretta" l-istazzjon TVM jirreġistra l-akbar numru ta' telespettaturi, segwit mill-istess ħinijiet nhar ta' Ġimgħa. Dan ifisser li wara "Strada Stretta", l-aktar programm segwit fuq it-televiżjoni lokali huwa "Xarabank", li jfisser ukoll li ammont kbir ta' parteċipanti ma semmewx lill-programm preżentat minn Peppi Azzopardi bħala favorit, iżda xorta jsegwuh.

Id-drama "Manwela" kellu preferenza fost 4.32% tal-udjenza fl-istħarriġ, b' "Division 7" iġib 3.23% tal-voti, "Intriċċi" 3.16% u "It's Morris" 2.9%.

Dawn ir-riżultati ħarġu llum mill-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir, u juru biċ-ċar li l-udjenza Maltija fil-maġġoranza assoluta tagħha tippreferi d-drama Maltija aktar minn kull ġeneru ta' programm ieħor, fuq l-istazzjonijiet lokali. Infatti bħala total tal-programmi kollha fuq l-istazzjonijiet lokali, id-drama tammonta għal 49.5% tal-programmi favoriti fost l-udjenza.

7.05% tal-preferenza tal-udjeza tmur għall-programmi ta' diskussjoni, b' "Xarabank" igawdi minn 3.84% tal-preferenza tan-nies, u "Skjetti" b'persentaġġ ftit inqas minnu għal total ta' 3.21%

More in Kronaka