Raġel aggredit hekk kif ħareġ minn daru

Hekk kif ħareġ minn daru, żagħżugħ ta' 28 sena ġie aggredit minn tliet persuni

Raġel ta' 28 sena ġie aggredit minn tliet persuni hekk kif ħareġ mir-residenza tiegħu.

Il-każ seħħ iktar kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-6:15 meta il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq il-Ħarrub, f’Ħ’Attard.

Il-Pulizija mid-Distrett ta’ Birkirkara marru immedjatament fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta’ 28 sena residenti Ħ’Attard stess allegatament ġie aggredit minn tliet persuni mhux magħrufa.

Il-persuni, li kellhom wiċċhom mgħammad, avviċinaw lir-raġel wara li kien għadu kif ħareġ minn residenza fil-viċin u kien ser jidħol ġo vettura. Hekk kif avviċinawh, ir-raġel allega li qala daqqiet kemm bil-ponn kif ukoll b’oġġett iebes.

Ir-raġel irnexxielu jaħrab lejn ir-residenza tiegħu u talab għall-assistenza. Ir-raġel ittieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa għall-kura medika. In-natura tal-ġrieħi li sofra mhijiex magħrufa.

Bil-każ, il-Pulizija infurmat lill-Maġistrat tal-Għassa  li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka