Pjanijiet għall-AUM f'Bormla ma jinkludux post għall-parkeġġ

Illum għandhom jiġu approvati l-pjanijiet għall-ewwel fażi tal-AUM f'Bormla... iżda ma jissemmiex parkeġġ fil-pjanijiet 

Il-Baċir numru 1 f'Bormla se jkun wieħed mis-siti tal-AUM, bil-pjanijiet għalih jiġu approvati llum
Il-Baċir numru 1 f'Bormla se jkun wieħed mis-siti tal-AUM, bil-pjanijiet għalih jiġu approvati llum

Illum l-awtorità tal-ippjanar għandha tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-ewwel fażi tal-bini tal-kampus tal-Università Amerikana ta' Malta (AUM), li se jkun fil-baċir numru wieħed f'Bormla.

L-applikazzjoni għal din l-ewwel fażi diġà qegħda tqajjem ċertu dubji u mistoqsijiet fir-rigward ta' parkeġġ. Infatti, il-kampus tal-Università f'Bormla se jkun qigħed jilqa' fih 500 student u madwar 40 ħaddiem, li jirrikjedu bżonn minimu ta' aktar minn 300 post għall-parkeġġ. Iżda l-applikazzjoni preżenti ma fiha ebda post għall-parkeġġ, f'raħal fejn il-parkeġġ diġà huwa problema kbira fuq bażi ta' kuljum.

Il-"case officer" tal-awtorità iżda saħaq li l-applikazzjoni tal-llum hija biss għall-ewwel fażi u li l-quddiem għandu jkun hemm applikazzjoni separata li tkopri l-parkeġġ għall-istituzzjoni kollha.

Il-Baċir numru wieħed ġie magħżul bħala t-tieni sit fejn tinbena l-AUM wara li l-pjan oriġinali li l-kampus jinbena kollhu fuq medda ta' art il-barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) ta' 90,000 metru kwadru fiż-żonqor, f'Marsaskala, qala' ammont sostanzjali ta' protesti minħabba raġunijiet ambjentali.

S'issa, l-awtorità tal-Ippjanar għada ma rċevietx pjanijiet għall-kampus taż-żonqor.

Ix-xogħol fuq il-baċir f'Bormal se jibda bir-restawr tal-bini storiku ta' żmien l-Ingliżi li hemm bħalissa, biż-żieda ta' sular ieħor fuq iż-żewġ sulari eżistenti. 

More in Kronaka