Tarbija ta' disa' xhur tinħareġ mejta minn qalb it-tifrik

Jitilgħu għal iktar minn 73 il-vittmi tat-terremot fiċ-ċentru tal-Italja

Il-vittmi tat-terremot fiċ-ċentru tal-Italja li heżżeż lill-pajjiż għall-ħabta tat-3.30 ta' filgħodu, diġà ħalla bħala vittmi tiegħu iktar minn 73, inkluż bosta tfal u familji, fosthom familja ta' erbgħa fil-villaġġ ta' Accumoli b'żewġt itfal żgħar. Minkejja l-attentati biex jiġu salvati, wara li nstema' l-krib tal-omm u ta' wieħed mill-ulied, meta nstabu taħt it-tifrik, dawn kienu diġà mejta.

Minbarra l-għexieren ta' mejtin, hemm ukoll mijiet ta' persuni midruba li mlew l-isptarijiet tal-madwar. Il-kap tal-Protezzjoni Ċivili taż-Żona, Paolo Crescenzi saħaq li n-numru ta' vittmi mistenni li jitla' ħafna. "Ħafna djar sfrundaw u waqgħu fuqhom stess, u dan ma jippermetix li nidħlu nsalvaw in-nies faċilment. Bħalissa qed nippruvaw innaddfu t-toroq sabiex ikollna aċċess aħjar għad-djar imkissra. L-aktar parti kritika għadha trid tasal, meta se nidħlu fid-djar u t-tifrik tagħhom, u nsibu biss kadavri."

L-aktar parti kritika għadha trid tasal, meta se nidħlu fid-djar u t-tifrik tagħhom, u nsibu biss kadavri

Fost il-vittmi, kien hemm tarbija ta' disa' xhur li nħarġet bla ħajja minn qalb it-tifrik fil-villaġġ ta' Arquata. Tifla oħra ta' sena u nofs mietet ftit wara li ġiet salvata mit-tifrik fi sptar f'Ascoli Piceno, wara li kienet tinsab fil-villaġġ mal-ġenituri tagħha minkejja li ma kinetx minn hemm. 

Minkejja dan, żewġt itfal ta' 4 u 7 snin rispettivament insabu ħajjin u nħarġu minn qalb it-tifrik wara li nannithom kienet daħħlithom magħha taħt is-sodda biex jistkennu mid-diżastru. In-nanna inħarġet ħajja wara xi sigħat ta' salvataġġ, iżda minkejja dan, in-nannu tilef ħajtu.

More in Kronaka