Sejba ta' 15kg droga kokaina f'karozza li waslet Malta mill-Italja

Qormi u Għajnselmiż miżmuma mill-pulizija

Wara gimgħat ta’ ħidma intensiva, membri mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga assistiti mill-Law Enforcement Section tad-Dwana waqqfu vettura li kienet għada kif waslet Malta mill-Italja u li kien hemm suspett raġonevoli li fiha seta kien hemm ammont sostanzjali ta’ droga moħbija.

Fil-fatt minn investigazzjonijiet ulterjuri u tiftix li għamlet il-Pulizija ġo din il-vettura eventwalment instabu madwar 15-il kilogramma sustanza bajda allegatament droga kokaina moħbija fuq il-parti ta’ wara tal-istess vettura.

Il-Maġistrat tal-Għassa ġie infurmat bis-sejba u ħatar diversi esperti biex jassistu. Il-Pulizija qed iżżomm żewġ persuna ta’ nazzjonalità Maltija - wieħed ta’ 66 sena minn Ħal Qormi u ieħor ta’ 23 sena minn Għajnsielem (Għawdex) biex jgħinu fl-investigazzjonijiet.

Ilbieraħ ukoll tard wara nofsinhar membri mill-Iskwadra ta’ Kontra id-Droga arrestaw persuna ta’ nazzjonalita’ Somala ta’ 29 sena fil-lokalità ta’ Paceville wara li dan ir-raġel ġie osservat qed jipprova jitraffika l-pjanta kannabis u r-raża meħuda mill-pjanta kannabis lill-terzi persuni.

Mhux eskluż li bejn illum u għada jitressqu taħt arrest xi persuni in konnesjoni ma’ dawn iż-żewġ investigazzjonijiet fuq importazzjoni u assoċjazzjoni fl-importazzjoni u pussess aggravat ta’ kokaina u pussess aggravat ta’ raża tal-kannabis u tal-pjanta kannabis kollha jew biċċa minnha rispettivament

More in Kronaka